Il-GRDA Tippreżenta L-Mudell Ekonomiku Reġjonali Għal Għawdex
L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA), b’kollaborazzjoni ma’ Oxford Economics, nediet mudell makroekonomiku tal-ekonomija Għawdxija. Permezz ta’ dan il-mudell, il-GRDA se tkun tista’ tipproduċi tbassir ta’ indikaturi importanti bħalma huma l-impjiegi u t-tkabbir turistiku f’Għawdex. Il-GRDA ser tkun ukoll f’pożizzjoni li timmudella l-impatt ta’ miżuri fuq Għawdex, u b’hekk tpoġġi lill-Awtorità f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex tifformula proposti ta’ deċiżjonijiet sodi u bbażati fuq l-evidenza.
Matul din l-ewwel konferenza dwar l-ekonomija reġjonali, Oxford Economics ippreżentat ħarsa ġenerali tal-mudelli ekonomiċi filwaqt li s-Sur Mario Borġ, CEO tal-GRDA, ippreżenta r-riżultati ewlenin kif ukoll ippreżenta xi proposti għall-baġit li jmiss li jinkludu:
• Tibdil fit-taxxa tal-boll fuq proprjetà residenzjali sabiex tirrifletti l-realtajiet soċjoekonomiċi u ambjentali ta’ Għawdex
• ġie suġġerit li l-ekokontribuzzjoni mħallsa f’Għawdex tibqa’ Għawdex u tintuża skont il-ħtieġa għaż-żoni turistiċi fil-gżira
• L-Awtorità qed tipproponi wkoll jibdew jigu ippublikati l-input-output/supply-use tables biex b’hekk id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-konfront ta’ Għawdex ikunu riċerkati u jagħtu aktar stampa reali tal-karatteristiċi distintivi tal-gżira.
Id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn: https://grda.mt/category-publication/notes-research/