Il-Gvern Ma Jistax Jibqa’ Ċass Quddiem Każijiet Ta’ Inċidenti F’Postijiet Ta’ Riskju – PN
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li persuna oħra tilfet ħajjitha f’sit ta’ kostruzzjoni. Dan hu l-ħdax-il inċident fatali fuq post ta’ kostruzzjoni matul din is-sena fost ħafna oħrajn li fortunatament ma kienux fatali.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern ma jistax jibqa’ ċass quddiem dawn l-inċidenti. Minflok, għandu jipprovdi l-għodda moderna meħtieġa, inkluż ir-riżorsi umani mħarġa, lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) biex din tkun tista’ tlaħħaq man-numru ta’ postijiet tax-xogħol u postijiet oħrajn ta’ riskju għal inċidenti.
Jenħtieġ, li din l-Awtorità, flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u awtoritajiet oħra, minflok jintilfu fi sforzi frammentati u red tape li jwasslu biss għal ħela ta’ ħin u spejjeż żejda, janalizzaw bis-serjetà u mingħajr iżjed ħela ta’ ħin in-numru ta’ rapport u inkjesti li saru u jsiru kull darba li jsehh inċident. Il-Gvern għandu joħloq proċessi aktar effikaċi u effiċjenti, filwaqt li jipprovdi r-riżorsi biex il-backlog ta’ każi li hemm quddiem il-Maġistratura jitniżżel għal livelli aċċettabli.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jara l-implimentar bis-serjetà tas-sistema tal-iskill card, li tkun tinkludi t-taħriġ u l-edukazzjoni meħtieġa, inkluż dawk relatati mas-saħħa u sigurtà fil-postijiet ta’ riskju għal inċidenti.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li wasal iż-żmien biex il-partijiet tar-rapporti u inkjesti li jinkludu t-tagħlimiet li l-industriji varji, il-professjonisti, il-ħaddiema u dawk kollha involuti jistgħu jieħdu minnhom ikunu ppublikati b’mod ċentralizzat u jkunu jistgħu jintużaw għat-taħrig u l-edukazzjoni ta’ dawk kollha ikkonċernati.
Aktar minhekk, hi r-responsabbiltà tal-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati li jaraw li r-rakkomandazzjonijiet f’dawn ir-rapporti u inkjesti jkunu implimentati minnufih ħalli jonqos kemm jista’ jkun ir-riskju fil-postijiet tax-xogħol.
Daqstant ieħor, hi responsabbiltà tal-Gvern li jkunu rreveduti policies u regolamenti li qed iħallu lok għal abbuż kif indikat minn Uffiċjali tal-OHSA stess.