Il-Gvern Qed Jipprova Jġib Lill-Kunsilli Lokali Fix-Xejn

 Il-Gvern Qed Jipprova Jġib Lill-Kunsilli Lokali Fix-Xejn

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ikkundanna bil-kbir id-deċiżjoni tal-Gvern li jkompli jerġa’ jnaqqar mill-poteri tal-Kunsilli Lokali – din id-darba t-tindif ta’ ċerti lokalitajiet – biex jassorbi din il-funzjoni hu.

F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Darren Carabott u mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, intqal li din id-deċiżjoni ttieħdet biss għax il-Gvern Laburista ma jemminx fil-Kunsilli Lokali u ma jemminx fil-prinċipju tas-sussidjarjetà.

“Bil-kontra, ma jafdax lill-Uffiċjali eletti, fosthom anke lil dawk li ġejjin mill-Partit tiegħu stess, għax jixtieq li jkollu l-poter kollu ċċentralizzat.

  • Wara li neħħa l-poteri tal-infurzar mill-Kunsilli Lokali biex tahom lil-LESA tal-Gvern.
  • Wara li neħħa l-jedd fuq it-traffiku u t-trasport mill-Kunsilli Lokali biex tah lil Transport Malta tal-Gvern.
  • Wara li ppjana li jneħħi l-ġbir tal-iskart mill-Kunsilli Lokali biex jagħtih lir-Reġjuni.
  • Wara li fl-ippjanar u l-iżvilupp lanqas jiġu kkonsultati l-Kunsilli Lokali u tiddeċiedi kollox l-Awtorità tal-Ippjanar tal-Gvern.
  • Wara li neħħa l-poteri fuq it-toroq mill-Kunsilli Lokali u tahom lil Infrastructure Malta tal-Gvern.

Issa jmiss li jneħħi t-tindif tat-toroq mingħand il-Kunsilli Lokali u jieħdu f’idejh il-Gvern. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’użu l-Gvern ħalla lill-Kunsilli Lokali.”

Itqal li filwaqt li jaf u jifhem li hemm problema kbira fit-tindif tat-toroq f’Malta, sforz in-nuqqas ta’ azzjoni u ippjanar mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li meta saret il-Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem dwar il-Kunsilli Lokali dwar kemm-il rapport sar dwar problemi ta’ ħmieġ u tindif lill-Kunsilli Lokali, il-Ministru responsabbli ma rrispondix u minflok qal li “Jeħtieġ li jsir eżerċizzju twil u jeħtieġ ħafna riżorsi biex tingħata l-informazzjoni mitluba”, aħseb u ara kemm hu vijabbli li l-Ministeru jirċievi kull ilment dwar tindif u ħmieġ f’post wieħed għal Malta kollha.

L-istqarrija ttemm billi tgħid li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-Kunsilli Lokali, fid-deċentralizzazzjoni u s-sussidjarjetà, filwaqt li jemmen bis-sħiħ fil-kapaċitajiet tal-Kunsillieri Lokali li ġew magħżulin u eletti mill-poplu.

“Il-Partit Nazzjonalista jappella li jekk verament il-Gvern Laburista jrid sistema li taħdem, għandu jagħti l-poter u r-riżorsi lin-nies eletti li jħobbu lill-ibliet u l-irħula tagħhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com