Il-PN Jistenna Li L-Gvern Jara Li L-PBS Ikun Bilanċjat U Imparzjali
Permezz tal-kelliem tiegħu, Graham Bencini, il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-produtturi u x-xandara li se joffru kontenut varjat lill-pubbliku Malti fl-iskeda l-ġdida fuq Television Malta. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex il-PBS, fiċ-ċerimonja tat-tnedija, ma semma’ xejn dwar l-imparzjalità tant mixtieqa fl-Aħbarijiet fuq l-Istazzjon Nazzjonali.
Il-Partit Nazzjonalista jqis bħala tal-għajb li l-Aħbarijiet ta’ TVM spiċċa redikolat kważi kuljum għal ’notice board’ u propaganda pura tal-attivitajiet tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu. Ftit li xejn jinstemgħu ilħna differenti, kemm tal-Oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali li jagħmlu kritika u skrutinju tal-politika tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista kien jistenna li l-Ministru Owen Bonnici, fil-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tas-60 sena mill-ewwel xandira televiżiva f’Malta, jispjega l-pjan tal-PBS biex il-bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jixxandru fuq TVMNews+ ikunu bilanċjati, bl-esponenti tal-Oppożizzjoni jingħataw l-ispazju daqs il-Ministri, Segretarji Parlamentari u Depututi tal-Gvern.
Barra minhekk, kien ikun apprezzat ħafna mill-poplu Malti li kieku saret wegħda personali mill-Ministru Bonnici, li hu responsabbli mill-PBS, li l-Kamra tal-Aħbarijiet se tibda tirrapporta b’mod leali d-deċiżjonijiet tal-Awtoritaà tax-Xandir, tal-Qrati u tal-Ombudsman kull darba li l-istess PBS jew il-Gvern jinsab ħati fuq xi azzjoni jew li naqas fid-dmir tiegħu.
Finalment, il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tajba li għamel il-PBS li fetaħ stazzjon iddedikat totalment għall-isport. Din kienet proposta elettorali tal-Partit Nazzjonalista, li kien hemm min daħaq biha u pprova jirredikolaha. Issa l-Gvern approva d-deċiżjoni li jinfetaħ dan l-istazzjon.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-opportunità wkoll biex jirringrazzja lill-ħaddiema kollha preżenti u tal-passat li lkoll taw is-sehem tagħhom biex matul is-60 sena li għaddew twassal dan is-servizz fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin.