Imnedija L-Ewwel Sejħa Għal Proġetti Bħala Parti Mill-Programm Clean Energy Transition Partnership

 Imnedija L-Ewwel Sejħa Għal Proġetti Bħala Parti Mill-Programm Clean Energy Transition Partnership

Ġiet imnedija l-ewwel sejħa għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni bħala parti mill-programm Clean Energy Transition Partnership. L-għan ewlieni ta’ dan il-programm ta’ riċerka huwa li jixpruna t-tranżizzjoni lejn l-użu tal-enerġija nadifa filwaqt li jikkontribwixxi lejn l-għan tal-Unjoni Ewropea li tkun l-ewwel kontinent bi klima newtrali sal-2050. Permezz ta’ dan il-programm, Malta se tkun qed tipparteċipa fil-Horizon Europe Partnerships.

Din is-sejħa se tiftaħ fl-14 ta’ Settembru u se tagħlaq fit-23 ta’ Novembru 2023. Il-proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn dan il-programm se jkunu jistgħu jittrattaw varjetà ta’ suġġetti f’dan il-qasam fosthom:

  • Enerġija mingħajr emissjonijiet
  • Soluzzjonijiet għas-sħana u l-kesħa
  • Teknoloġiji nodfa
  • Karburanti alternattivi

Id-Dipartiment tal-Internazzjonalizzazzjoni fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) se jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan il-programm u se jkun qed joffri nofs miljun ewro kull sena, b’total ta’ 3.5 miljun fuq 7 snin, lill-parteċipanti lokali biex jingħaqdu ma’ riċerkaturi u professjonisti internazzjonali fuq proġetti ta’ riċerka li jirriflettu l-għan ta’ dan il-programm.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li, “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ċ-ċavetta biex innaqsu d-dipendenzi fuq sorsi mhux rinovabbli u neliminaw it-tniġġis. Għaldaqstant, programmi bħal Clean Energy Transition Partnership, li jinċentivaw ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam, se jaqdu l-bżonn kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Dan sabiex jinstabu alternative fuels u gradwalment isseħħ t-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa, bħalma fil-fatt huwa mmirat fil-Low Carbon Development Strategy ta’ Malta.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li, “Dan il-programm se joffri diversi opportunitajiet għall-qasam industrijali kif ukoll għar-riċerkaturi tagħna f’Malta. Il-fatt li se jinħarġu diversi sejħiet għal proġetti ta’ riċerka, bħala parti minn dan il-programm, juri biċ-ċar l-impenn fit-tul mill-gvern Malti.” Huwa kompla jgħid li, “Fil-fatt, permezz ta’ dan il-programm ħa nżidu l-opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ riċerka ġdida, kif ukoll se jkun ta’ interess għall-istudenti tal-lum, għall-gradwati t’għada u għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan is-settur.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando saħaq li, “Huwa ta’ unur għalina li l-Kunsill qed iniedi u jipparteċipa bis-sħiħ fl-ewwel Partnership tal-Horizon Europe: il-Clean Energy Transition. Permezz ta’ laqgħat u diskussjonijiet mir-rappreżentanti tal-MCST, intlaħaq ftehim b’mod uffiċjali fuq il-parteċipazzjoni u l-ammont ta’ fondi. Bis-saħħa ta’ din it-tnedija, qed nikkonstataw l-impenn tal-Kunsill sabiex jittrawmu ideat ġodda u tiżdied l-innovazzjoni permezz ta’ proġetti ta’ riċerka. L-impenn kontinwu tagħna jwassalna biex noffru l-aqwa opportunitajiet possibbli lill-partijiet interessati – li jinkludu l-industrija, l-akkademja, kif ukoll liċ-ċittadini tagħna. B’hekk ngħinuhom jiksbu kull suċċess.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com