”Inkomplu Nipprovdu L-Għoddod Neċessarji Biex L-Industrija Tal-Gaming Tibqa’ Tikber” – Il-Ministru Silvio Schembri

 ”Inkomplu Nipprovdu L-Għoddod Neċessarji Biex L-Industrija Tal-Gaming Tibqa’ Tikber” – Il-Ministru Silvio Schembri

“Bħala Gvern emmina fl-industrija tal-iGaming sa mill-bidu nett tagħha u ħdimna biex nipprovdu ambjent f’pajjiżna fejn din l-industrija tista’ tkompli tikber u tiżviluppa. Qed nibqgħu naħdmu biex l-ekosistema kollha ta’ din l-industrija tibqa’ b’saħħitha.” Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri waqt li fetaħ uffiċjalment l-attività iGaming Next li qed titella’ f’Dar il-Mediterran. Il-Ministru Schembri sostna li minn żjarat li jagħmel f’kumpaniji tal-gaming, mill-attivitajiet  u mill-konferenzi tal-ogħla livell dwar is-settur, jidher biċ-ċar li dan hu settur dinamiku u ħaj f’Malta.

“Bħala Gvern nemmnu li l-industrija tal-igaming f’pajjiżna se tkompli tikber u titrasforma l-ekonomija tagħna u għalhekk huwa fl-interess tagħna li nipproteġu dan is-settur kemm jekk huwa gaming, video game development jew esports,” tenna l-Ministru Schembri. Fuq il-ħaddiema f’dan is-settur, il-Ministru Schembri qal li Malta dejjem attirat l-aqwa talent fil-qasam, u se tkompli tagħmel dan, inkluż li tattira aktar żgħażagħ fis-settur. Huwa spjega li “fl-MCAST u fl-Universita ta’ Malta, studenti u lecturers jistgħu jattendu għall-programm ta’ ċertifikazzjoni Unity. Illum għandna wkoll programmi edukattivi fis-setturi tal-igaming offruti f’Livell 3 u 4, u mhux se niefqu hawn. Se nibqgħu nipprovdu l-għoddod neċessarji lill-individwi b’talent biex jibqgħu jagħmlu suċċess f’dan il-qasam.”

Il-Ministru Schembri tenna li fil-futur qarib se jitwaqqaf ukoll Kunsill għall-iGaming, immexxi mill-Gaming Malta Foundation. Dan se jkun forum tal-ogħla livell li se jassisti u jikkonsulta ma’ entitajiet varji tal-Gvern fuq policies li għandhom x’jaqsmu direttament ma’ dan is-settur. Il-kunsill se jkun ukoll qiegħed jibni relazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-Gvern u l-industrija.

Ritratti:DOI, MEFL

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com