“Kull Ħaddiem Jixraqlu Li Joħroġ Jaqla’ L-Ħobża Ta’ Kuljum U Jirritorna Lura D-Dar Mal-Familja Qawwi U Sħiħ – GWU
Minkejja r-regolamenti u kampanji għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta u l-infurzar fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena f’pajjiżna diġa kellna disa’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol, bl-aħħar fatalita tkun proprju l-bieraħ fejn ħaddiem ta’ 57 minn Birkirkara tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ madwar ħames sulari f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi.
Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-inċidenti żdiedu bi 2.9% hekk kif sa Ġunju ta’ din is-sena kien rappurtat li 1,164 persuna weġġgħu fuq il-post tax-xogħol.
Dawn iċ-ċifri juru li l-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti seħħew fis-settur tal-manifattura; inċidenti li jammontaw għal 16.3%. Wara, hemm is-settur tat-trasport u l-ħażna, fejn seħħew 14.1% tal-inċidenti. Filwaqt li s-settur tal-kostruzzjoni jiġi fit-tielet post bi 13%.
Il-General Workers’ Union tisħaq fuq l-importanza li jkunu osservati aktar ir-regolamenti għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol mill-ħaddiema, kif ukoll minn min iħaddem, filwaqt li jsir aktar infurzar mill-awtoritajiet għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Hekk kif kull ħaddiem jixraqlu li joħroġ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u jirritorna lura d-dar mal-familja qawwi u sħiħ.