Malta Air Traffic Services Tipprovdi Servizzi Għal Madwar 70,000 Titjira Fis-Sena Fil-Mediterran
Il-Malta Air Traffic Services (MATS) qed tikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija hekk kif qed taħdem biex tiffaċilita l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta billi tipprovdi servizz sigur u effiċjenti għall-inżul u t-tluq tal-ajruplani mill-ajruport tagħna. Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt konferenza li qed tfakkar l-20 Anniversarju minn meta l-gvern assenja l-provvista tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru lill-Malta Air Traffic Services Ltd.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-MATS tassisti lill-Forzi Armati ta’ Malta u NGOs f’operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u tonora l-obbligi internazzjonali tagħha hekk kif tipprovdi servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-ajruplani li jtiru fuq il-Mediterran. L-istatistika tindika li qabel ma bdiet il-pandemija, il-MATS kienet qed toffri s-servizzi tagħha lil aktar minn 70,000 titjira u madwar 50,000 moviment mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fl-2021, MATS għamlet irkupru ta’ madwar 70% tal-livelli tat-traffiku tal-2019.
Din il-konferenza, bl-isem ta’ “Managing the Future of Our Skies”, ġabret flimkien partijiet interessati li joperaw fis-settur tal-avjazzjoni biex jiddiskutu l-ispettru tal-avjazzjoni, filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni avvenimenti sinifikanti li qed iwasslu għal bidliet kbar, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, iż-żieda fl-ispiża tal-fjuwil, l-iżvilupp ta’ ajruplani operati bla ekwipaġġ, is-sigurtà diġitali, u numru kbir ta’ proġetti oħra li jolqtu s-settur tan-navigazzjoni bl-ajru, u kif tista titnaqqas l-ispiża mingħajr ma tkun kompromessa s-sigurtà.
“Il-prijorità tagħna hi r-reżiljenza u l-innovazzjoni għax-xhur u s-snin li ġejjin. L-industrija teħtieġ nies li jaċċettaw sfidi ġodda u jħaddnu l-bidla. Fis-snin li ġejjin, se naraw aktar soluzzjonijiet innovattivi ta’ mobilità u għaldaqstant qed nippreparaw għall-isfidi filwaqt li naraw kif nibbenifikaw mill-opportunitajiet. Wara sentejn mill-pandemija, id-dinja qed taffaċċja sitwazzjoni diffiċli oħra, u għalhekk jeħtieġ li naħdmu flimkien biex inkomplu niksbu aktar riżultati f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tagħna”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.