Malta Ssir Membru Tal-European Centre Of Excellence For Countering Hybrid Threats
Pajjiżna sar membru f’organizzazzjoni internazzjonali indipendenti li taħdem biex tippromwovi modi differenti kif pajjiżi jilqgħu għat-theddid li jista’ jkun hemm minn xi pajjiż ieħor jew minn terzi kontra xi pajjiż demokratiku u l-istituzzjonijiet tiegħu.
Il-European Centre of Excellence for Countering Hybrid Threats ibbażat f’Helsinki, il-Finlandja, għandu l-għan li flimkien man-network tal-pajjiżi parteċipanti, jibni modi sabiex jippreveni u jiġġieled theddid li jiġi minn lil hinn, billi jsir skambju ta’ ideat u taħriġ speċjalizzat.
Mit-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru f’April 2017 sal-lum, 32 pajjiż qed jipparteċipa bħala membru f’dan iċ-ċentru. Preżenti fil-mument li Malta saret uffiċjalment parteċipant f’dan iċ-ċentru kien hemm il-Ministru għall-Intern, is- Sigurtà, ir-Riformi, l-Ugwaljanza Byron Camilleri.
F’kumment, il-Ministru Camilleri tenna li Malta tirrikonoxxi l-isfidi għas-sigurtà fuq livell globali u saħaq li dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu jekk ikun hemm sforz wieħed minn diversi pajjiżi magħquda.
“Malta hija kburija li se tingħaqad ma’ 31 pajjiż ieħor f’dan iċ-ċentru u nħarsu ’l quddiem li l-esperti li għandna f’pajjiżna jikkollaboraw ma’ msieħba oħra sabiex jindirizzaw dawn ir-realtajiet. Malta, bħala stat fil-Mediterran, hija miftuħa li twassal l-esperjenza u l-għarfien tagħha, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran u n-naħa ta’ isfel tal-Ewropa, u hija lesta li sservi bħala pajjiż newtrali miftuħ għad-diplomazija”, ikkonkluda l-Ministru Byron Camilleri.
Ritratt (MHSR)