Organizzat L-Ewwel Workshop F’Malta Dwar Il-Monitoraġġ Tat-Tomato Brown Rugose Fruit Virus

 Organizzat L-Ewwel Workshop F’Malta Dwar Il-Monitoraġġ Tat-Tomato Brown Rugose Fruit Virus

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti (PPD) b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) organizza workshop dwar il-monitoraġġ tal-pesti, speċifikament relatat ma’ stħarriġ ibbażat fuq ir-riskju tat-Tomato Brown Rugose Fruit Virus (ToBRFV). Dawn it-tipi ta’ workshops huma ta’ importanza kbira biex jassistu fil-garanzija tas-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.

Parti mill-ħidma tat-tim tal-Monitoraġġ tas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan l-EFSA, tinvolvi t-tħejjija ta’ rapporti bil-għan li jgħinu lill-istati membri biex iwettqu monitoraġġ effiċjenti tal-pesti. Wieħed mir-rapporti ppubblikat riċentament mill-EFSA kien dwar it-ToBRFV. Billi dan il-virus jattakka kemm il-frott tat-tadam u tal-bżar, dan ir-rapport huwa ta’ importanza kbira għall-agrikoltura Maltija. Għaldaqstant, ġie organizzat dan il-workshop bil-għan li joffri informazzjoni lill-partijiet interessati filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-EFSA u l-PPD.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo saħaq dwar l-importanza tas-settur tat-tadam għall-bdiewa Maltin u Għawdxin. Qal li l-gvern kien ta’ spalla għall-bdiewa hekk kif ġie identifikat dan il-virus billi nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja li minnha bbenefikaw tnax-il bidwi li ġew milquta minn dan il-virus fil-prodott tagħhom. Il-Ministru Refalo saħaq li l-gvern ser jibqa’ jkun ta’ sapport kontinwu sabiex jibqa’ jħares il-bżonnijiet u l-ħidma tal-bdiewa sabiex il-prodott lokali jibqa’ l-ewwel għażla tal-konsumatur Malti u Għawdxi.

Is-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri saħaq li l-ministeru jqis iż-żamma ta’ djalogu miftuħ mas-soċjetà u mal-istakeholders bħala wieħed fundamentali, sabiex ikomplu jassiguraw is-suċċess tas-settur. Qal li, “Fil-każ tal-virus magħruf bħala ToBRFV, rajna l-ħsara kkawżata u l-impatt ekonomiku li dan kellu fuq il-produtturi u l-operaturi professjonali tagħna.” Qal li permezz ta’ din l-attività, kien possibbli li l-PPD tipprovdi informazzjoni aġġornata sabiex tiżgura monitoraġġ effettiv għas-sejba u għall-identifikazzjoni tat-ToBRFV.

Is-Sur Sybren Vos, Team Leader fi ħdan l-EFSA, spjega l-ħidma tal-EFSA li tkopri l-katina kollha tal-ikel – “from farm to fork” – u hija waħda mill-entitajiet responsabbli għas-sigurezza tal-ikel fl-Ewropa. Huwa rringrazzja lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti tal-kollaborazzjoni kontinwa li pprovdew u saħaq li huwa ta’ unur għalih li jikkontribwixxi f’dan l-avveniment importanti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com