Rikonoxxuti Miżuri Li Ħallew Il-Frott

 Rikonoxxuti Miżuri Li Ħallew Il-Frott

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (SILC) juru li filwaqt li fl-2020 l-ekonomiji tad-dinja kienu qed isofru bil-kbir taħt l-effetti tal-pandemija, f’Malta d-dħul gross medju tal-familji żdied b’5.4% għal €40,263, waqt li r-rata ta’ nies fir-riskju tal-faqar imqabbla mas-sena ta’ qabel baqgħet stabbli fir-rata ta’ 16.9% tal-popolazzjoni.

Din hija kisba notevoli ħafna meta tqis li fis-sena tal-pandemija, il-linja tas-60% bħala dħul li fuqha jiġi kkalkulat kemm hawn nies f’riskju ta’ faqar għoliet bi kważi €500, grazzi għaż-żieda li kien hemm fid-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin li sabu sostenn kbir mill-Gvern. Dan huwa anke ikkonfermat mill-istess NSO, fejn jispjega li s-sistema tal-ħarsien soċjali f’pajjiżna kienet kruċjali biex iżżomm ir-rata ta’ riskju ta’ faqar relattivament aktar baxxa. Kieku mhux għal dan, kien ikollna kważi 20% jew 98,000 persuna aktar fir-riskju tal-faqar.

L-istatistika uffiċjali tinnota wkoll li r-rata ta’ riskju ta’ faqar fost in-nisa naqset b’0.3%, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar fost it-tfal naqset b’0.8% waqt li r-rata f’riskju ta’ faqar li jgħoddu bejn it-18 u l-64 sena naqset b’0.4% meta mqabbel ma’ sena qabel. Kien ikkonfermat ukoll li r-rata ta’ riskju ta’ faqar ta’ dawk li jaħdmu naqset ukoll. L-istatistika turi wkoll li r-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedet marġinalment b’0.4% madankollu din ir-rata hija kważi erba’ perċentwali u nofs inqas minn dak irreġistrat fl-2013. Ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa għoliet b’0.3% iżda din ir-rata hija kważi n-nofs ta’ dak reġistrat fl-2013 meta kien hemm fis-seħħ kejl inqas rigoruż. Dan ifisser li llum hawn nofs il-faqar li kien hawn fl-2013. 

Minn analiżi ta’ sitt indikaturi ewlenin tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin bejn l-2013 u l-2021 joħroġ li kien hemm tnaqqis sostanzjali fir-rata ta’ ċaħda materjali u soċjali severa ta’ 13.8%. Dan jirriżulta fost oħrajn mill-għadd ta’ persuni li ma laħħqux ma’ spejjeż mhux mistennija, li fl-aħħar disa’ snin niżlu minn 23% għal 15.7%, tnaqqis ta’ 15,700 persuna. Dawk li ma kinux jifilħu jħallsu għal btala ta’ ġimgħa naqsu minn 55.9% għal 33.1%, tnaqqis ta’ 63,000 persuna. Barra minn hekk, il-persuni li ma felħux iħallsu biex jieklu laħam jew ħut kull jumejn niżlu minn 15.3% għal 6.2%, tnaqqis ta’ 32,000 persuna mill-2013 lil hawn.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li din l-istatistika tikkonferma kemm is-sistema soċjali ta’ pajjiżna qed tkompli tħalli effett dejjem aktar pożittiv fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Huwa sostna li l-pajjiż mhux biss irkupra malajr ħafna mill-qgħad iżda saħansitra d-dħul gross tal-ħaddiema tela’ għal €6.7 biljun, żieda medja kull familja ta’ kważi €2,800. Filwaqt li nnota li d-dħul medju disponibbli tal-familji Maltin u Għawdxin żdied b’aktar minn €1,300, il-Ministru Falzon żied jgħid li dawn ir-riżultati huma konferma ta’ kemm il-politika soċjali tal-Gvern, anki waqt pandemija, kienet effettiva u ta’ sostenn qawwi għall-familji.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq li l-Gvern se jibqa’ jirrikonoxxi l-isfidi u r-realtajiet tal-familji u rrijaferma l-impenn li jħaddem politika favur tkabbir ekonomiku sostenibbli li bih ikompli jsostni l-għajnuna lill-familji biex dawn ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com