Servizz Ta’ Eżerċizzju U Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar Għal Anzjani Bil-Kundizzjoni Tal-Artitè

 Servizz Ta’ Eżerċizzju U Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar Għal Anzjani Bil-Kundizzjoni Tal-Artitè

Fl-isptar San Vinċenz, ġie mniedi servizz ieħor, li se ikun qed jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li joħloq aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fost l-anzjani.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva flimkien mat-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz hekk kif ġie spjegat li s-servizz ġdid bl-isem ‘Disease Managment Programme’ ser jingħaqad ma’ numru kbir ta’ servizzi oħrajn li joffri l-istess sptar, fosthom dak ta’ fiżjoterapija għal anzjani li għandhom sittin sena jew aktar. Dan sabiex anke jikkumplimenta l-investiment kontinwu li qed isir fl-istess sptar u li fost oħrajn ra l-ftuħ ta’ Dipartiment ġdid li jinsab fil-kumpless Rużar Briffa, fejn hemm jiġu indirizzati l-bżonnijiet differenti tal-anzjani.

Ġie spjegat kif li hekk kif fil-ġranet li għaddew, ġie ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Fiżjoterapija, it-tema li ntagħżlet għal din is-sena kienet propju dik tal-kundizzjoni tal-Artrite. Kundizzjoni komuni ħafna fost il-popolazzjoni anzjana mhux f’pajjiżna biss iżda wkoll madwar id-dinja.

Fid-dawl ta’ dan, tnieda l-programm ‘Disease Management,’ li huwa mmirat għal persuni li għandhom sittin sena jew aktar, li jgħixu fil-komunità u li għandhom l-artrite fil-ġenb u fl-irkoppa, dak magħruf aħjar bħala l-‘hip and knee arthritis.’

Permezz ta’ dan is-servizz, anzjani eliġibbli se jkunu jistgħu jibbenefikaw u jipparteċipaw fi klassijiet ta’ eżerċizzji imqassmin fuq 20 sessjoni tul 10 ġimgħat sħaħ. Sessjoni kull ġimgħa tkun iddedikata wkoll għal terapija fil-pixxina terapewtika state-of-the-art fil-blokok il-ġodda, tal-isptar San Vinċenz flimkien ma’ sessjoni oħra fil-gym.

Dan is-servizz jinkludi wkoll l-għoti ta’ programm ta’ eżerċizzji li jistgħu jsiru fil-kumdità tad-dar li fiha jgħixu l-anzjani. Ta’ min jgħid ukoll li mhux kull programm li jingħata huwa l-istess hekk kif se jkun speċjalizzat għall-ħiliet u l-bżonnijiet tal-anzjani fuq bażi individwali.

Biex l-anzjani jipparteċipaw f’dan il-programm ġdid, se jkunu qed jiġu mitluba biljett ta’ referenza mingħand tabib għall-fiżjoterapija ġewwa l-isptar San Vinċenz.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal: “Huwa fi dmirna li nkomplu nsaħħu r-Residenza San Vinċenz de Paul li hija mgħammra sew biex tieħu ħsieb lill-anzjani tagħna f’kull aspett. Aħna rridu li nkomplu ntejbu kemm dak li diġa’ għandna filwaqt nisimgħu lill-ħaddiema ta’ din ir-residenza u anke l-qrabat tal-anzjani, sabiex noħolqu proġetti ġodda favur il-kura tal-anzjani.”

Ghal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 22912574 jew jibghat email fuq [email protected]

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com