Stħarriġ Xjentifiku Fuq Il-Baħar Malti
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura bħalissa għaddej bl-aħħar fażi tal-istħarriġ xjentifiku tal-ħut, il-MEDITS, li jsir fuq bażi annwali u f’perjodu speċifiku tas-sena. Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
L-għan ewlieni ta’ dan l-istħarriġ huwa sabiex tinġabar informazzjoni dettaljata biex wieħed jifhem aħjar is-sostennibiltà tal-istokkijiet tad-diversi ħut li għandna fl-ibħra tal-madwar. Mill-bidu ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru, is-sezzjoni tar-riċerka dwar is-sajd, l-FRU, tkun impenjata sabiex timplimenta dan l-istħarriġ.
Waqt dan l-istħarriġ, l-uffiċjali xjentifiċi tad-Dipartiment abbord il-bastiment li jkun ikkummissjonat biex jagħmel dan ix-xogħol xjentifiku jtellgħu l-ħut b’xibka minn 45 pożizzjoni madwar Malta sabiex tinġabar informazzjoni dwar qiegħ il-baħar, li tinkludi fost l-oħrajn, informazzjoni fuq diversi speċi ta’ ħut u organismi oħra, kif ukoll informazzjoni oċeanografika bħat-temperatura tal-baħar. Permezz tal-informazzjoni vasta li tinġabar minn dan l-istħarriġ, l-FRU jikkollabora ma’ istituzzjonijiet lokali kif ukoll barranin sabiex isiru studji xjentifiċi fuq livell reġjonali. Permezz ta’ rapporti u studji xjentifiċi, d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura jkun jista’ jagħti stampa aktar ċara tal-istat ekoloġiku tal-ħut fl-ibħra territorjali Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet kif, “Permezz ta’ din ir-riċerka, il-Gvern se jkollu f’idejh l-evidenza xjentifika neċessarja sabiex jemenda politika nazzjonali u jipparteċipa f’dik Ewropea, u jkun jista’ jimplimenta t-tibdiliet neċessarji fis-settur tas-sajd. Din l-istrateġija twassal għal protezzjoni tal-ibħra tagħna, filwaqt li niggarantixxu sajd sostennibbli u vijabilità ekonomika”.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li mill-programm ta’ fondi Ewropej 2014-2020 ġew investiti €625,000, li minnhom nofs miljun ewro huma fondi Ewropej sabiex ikun jista’ jsir dan l-istudju annwali, fondi li ntużaw għall-ispejjeż tad-dgħajsa kif ukoll biex jinxtara apparat xjentifiku, fost oħrajn.
“Mill-programm ta’ fondi 2014-2020, il-Fisheries Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura wettqet diversi proġetti ta’ riċerka dwar diversi speċi ta’ ħut li jinsabu fl-ibħra madwar il-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, komessi li mill-programm ta’ fondi l-ġdid ikun hemm aktar fondi allokati għal skop ta’ riċerka biex ikollna stampa aktar ċara tal-istat tal-ħut fl-ibħra territorjali Maltin,” sostna Dr Bonett.
Ritratti: DOI, MEFL_PS, MAFA_PS