Titnieda L-Kampanja ‘Say No to Stroke’
Il-Gvern nieda l-kampanja ta’ screening kontra l-puplesija bl-isem ‘Say No to Stroke.’
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ingħataw numru ta’ ċifri li jikkonfermaw kemm hi serja l-kundizzjoni tal-puplesija. Fil-fatt, il-puplesija hija waħda mill-kawżi ewlenin li twassal għal diżabilità fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar; kif ukoll fix-xahar, wieħed minn kull erba’ persuni li jkollhom puplesija jitilfu ħajjithom.
Hekk kif ir-riskju li persuni jkollhom puplesija jirdoppja ma’ kull diċenju li jgħaddi wara li jagħlqu 55 sena, fil-konferenza tal-aħbarijiet ġiet sostnuta l-importanza li tinħoloq kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-puplesija. Dan, fost oħrajn permezz ta’ screenings apposta sabiex jiġu identifikati fatturi li jistgħu jwasslu għal puplesija.
Għalhekk, il-kampanja ‘Say No to Stroke’ ser tkun qed tissokta bejn is-16 u s-17 ta’ Settembru fid-Dar Residenzjali Imperial f’Tas-Sliema u n-nursing home Golden Care fin-Naxxar. Dan filwaqt li aktar screenings huma ppjanati fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta lejn l-aħħar ta’ Ottubru. Il-kampanja hija ppjanata li tiġi estiża wkoll għad-Djar Residenzjali.
Din il-kampanja hija miftuħa għal dawk kollha li għandhom ħamsa u sittin sena jew aktar.
Fost oħrajn, fl-iscreenings li se jsiru fl-ambitu ta’ din il-kampanja, ser ikunu qed jittieħdu numru ta’ testijiet li jinkludu l-pressjoni, body mass index, ir-ritmu tal-qalb u z-zokkor fid-demm. Pazjenti li jinstabulhom riżultati irregolari ser jiġu avżati sabiex jikkonsultaw ma’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa sabiex isirilhom aktar testijiet.
Il-Ministru Jo Etienne Abela kkonkluda billi saħaq li “l-puplesija hija kundizzjoni li taf tkun fatali. Meta ma tkunx fatali, din il-kundizzjoni kapaċi tħalli ħafna tbatija. Għalhekk, ittestja ruħek u informa lilek innifsek.”