“12-Il Persuna Mejta Fuq Il-Post Tax-Xogħol, L-Affarijiet Iridu Jinbidlu!” – Il-PN
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li dan il-partit ikompli jfittex li jisma’ u jagħti widen lil l-istakeholders kollha f’kull qasam. Għal dan il-għan, permezz tal-kelliema tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-Malta Occupational Safety and Health Practioners Association (MOSHPA). Din l-Assocjazzjoni hija primarjament iffurmata minn professjonisti kwalifikati u ta’ esperjenzi vasti u varji. L-għan ewlieni tal-MOSHPA huwa t- titjib tal-istandards tas-Saħħa u s-Sigurtá f’kull tip u qasam ta’ post tax-xogħol u mhux biss dak tal-kostruzzjoni. Dan ifisser li ħafna mill-membri tagħha għandhom ħafna x jistgħu joffru u jaqsmu mal-OHSA u entitajiet oħra.
Il-MOSHPA spjegat il-kwistjonijiet kurrenti fejn is-Superviżuri tal-Proġett qed jiġu akkużati li mhux qed jieħdu r-responsabilitá tagħhom bis-serjetà, u l-fatt li qed jiġu blacklisted talli jagħmlu xogħolhom b’serjetá kbira.
Il-MOSHPA spjegat li s-superviżuri tal-proġett, li l-maġġoranza tagħhom qed jagħmlu xogħolhom b’mod diliġenti, qed jiġu ttrattati qishom kienu xi kriminali talli jagħmlu dak li hu mistenni minnhom u jitolbu gwida fejn jkun hemm bżonn.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) bħala awtorità hija responsabbli u mistennija li tagħti gwida u tipprovdi lis-Superviżuri tal-Proġett b’soluzzjonijiet ċari f’dawk il-kwistjonijiet li jitqajmu fin-nuqqas ta’ standards u ta’ gwidi ċari u legali. Kien xokkanti li nstab li fejn intalbet gwida ta’ x’ghandhom jagħmlu meta l-klijenti jew il-kuntratturi ma jikkoperawx mal-istruzzjonijiet taghhom, dawn is-superviżuri qed jiġu skrutinizzati mill-istess Awtorita’ bħal li kieku mhux qed jagħmlu xogħolhom huma minflok.
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li huwa meħtieġ titjib immedja biex jitjiebu l-prattiċi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 12-il persuna tilfu l-ħajjithom matul l-aħħar xhur. Dan jindika b’mod ċar li l-prattiċi attwali jeħtieġ li jiġu riveduti jew mibdula skont il-ħtiġijiet tal-lum u skond standards għolja ta’ saħħa u sigurtá.
L-awtorità għandu jkollha sett ċar ta’ prattiċi ta’ xogħol, aċċessibbli u kkomunikati bl-aktar mod ċar, fejn is-superviżuri tal-proġett jistgħu jirrikorru u jużaw bħala r-riga fl-assessjar u fid-deċiżjonijiet tagħhom.
Is-superviżuri tal-proġett għandu jkollhom aktar awtorità u jiġu empowered biex iwaqqfu x-xogħlijiet fejn jeżistu perikli, u jirrappurtaw tali avviżi ta’ waqfien tax-xogħol lill-OHSA li hija l-unika struttura legali li bħalissa tista’ toħroġ multi u tagħlaq is-siti, mingħajr dawn ma jkunu intimidati b’azzjoni legali.
L-OHSA jeħtieġ li taħdem aktar mill-qrib mal-professjonisti tas-Saħħa u s-Sigurtá, jekk verament irridu naraw titjib fil-prattiċi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Mhix aċċettabbli sitwazzjoni fejn is-Superviżuri tal-Proġett qed jitħallew waħedhom mill-OHSA.
Is-superviżuri tal-proġett għandhom ikunu involuti mill-istadju tad-disinn tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurta’ jkunu inklużi fil-method statement u implimentati sa mill-aktar stadji bikrin tal-proġett anke minn qabel ma jintgħazel il-kuntrattur. Dan mhux biss jassigura li l-binja tkun aktar sigura meta l-miżuri ikunu implimentati imma ukoll jgħatti valur għola lil binja.
“Jekk verament irridu niżguraw li jkollna postijiet tax-xogħol u binjiet aktar sikuri, irridu niddisinjaw u nimplimentaw is-sigurtá fil-proċessi kollha. Is-superviżuri tal-proġett li għandhom ikunu l-fergħa estiża tal-OHSA għandhom jingħataw ir-rikonoxximent, awtorità akbar u għodda ħafna aħjar biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom.” Hekk temmet tgħid din l-istqarrija ffirmata minn Ivan Castillo – Kelliem għas-settur Marittimu u x-Xogħol u Stanley Zammit – Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.