Iffirmat Ftehim Bejn Il-Ministeru Għall-Agrikoltura, Is-Sajd U D-Drittijiet Tal-Annimali U L-Malta Chef Society
Uħud fost l-aqwa chefs Maltin se jgħinu biex jiġu identifikati opportunitajiet ġodda favur il-valorizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u tas-sajd Maltin, hekk kif ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni għal ħames snin bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Malta Chef Society.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-ftehim qed jistabbilixxi pjattaforma għal kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u se jgħin biex jiġu identifikati u sfruttati opportunitajiet fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd li jmorru lil hinn mill-prodott innifsu u li jistgħu jagħmlu dawn l-industriji aktar attraenti u finanzjarjament vijabbli.
Il-ftehim jaħseb għal riċerka konġunta dwar prodotti agrikoli u tas-sajd, b’enfasi fuq prodotti tajbin għall-ikel u l-użu ta’ prodotti lokali f’attivitajiet kulinari. Mira oħra hija l-identifikazzjoni ta’ modi u ta’ mezzi biex titjieb il-kwalità ta’ dawn il-prodotti bil-ħsieb li jintużaw aktar u aħjar fit-tisjir, u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda tas-suq għall-użu ta’ prodotti bħal dawn.
Iż-żewġ partijiet qablu wkoll li jorganizzaw attivitajiet flimkien bi prodotti agrikoli lokali bħala t-tema ewlenija, kif ukoll li jiffaċilitaw l-ipproċessar ta’ dawn il-prodotti agrikoli skont l-aħjar prattiċi u t-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti ġodda.
“Permezz ta’ dan il-ftehim qed nagħrfu r-rikkezza, it-tjubija u l-freskezza tal-prodott Malti u Għawdxi, u għalhekk il-potenzjal li għandu biex jiġi sfruttat aħjar,” sostna l-Ministru Refalo.
Il-ftehim qed jibni fuq kollaborazzjoni prattika bejn il-Malta Chef Society u l-Biċċerija Pubblika li ssarrfet fil-pubblikazzjoni ta’ numru ta’ riċetti mmirati biex jisfruttaw il-qagħtat sekondarji tal-majjal fosthom il-kirxa, id-demm, ix-xikel u l-ispalla. Barra minn hekk, iż-żewġ entitajiet ħadmu flimkien waqt l-Agrifair fejn servew iktar minn sitt elef platt ibbażat fuq prodotti tal-laħam mhux popolari mal-pubbliku Malti.
Il-Malta Chef Society tiġbor uħud mill-aqwa professjonisti Maltin fil-qasam kulinarju. Twaqqfet bil-għan li tgħin lix-chefs lokali jtejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom kif ukoll biex jissaħħu l-livelli fl-industrija tat-turiżmu. Fost l-oħrajn torganizza l-Malta Kulinarja li tinkludi l-Kampjonati Nazzjonali tat-Tisjir u l-Arti Kulinarja u l-kors tal-Master Chef.
Ritratti (MAFA)