Il-Kunsill Lokali Tal-Kalkara Jiltaqa’ Ma’ Transport Malta Dwar Ir-Riorganizzazzjoni Tal-Irmiġġi
F’kumment li l-Ministru għat-Transport u Infrastruttura Aaron Farrugia ta lil Times Of Malta qal li f’dawn l-aħħar jiem saret laqgħa bejn il-Kunsill Lokali tal-Kalkara u Transport Malta dwar il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-irmiġġi fid-daħla tal-Kalkara u dan wara l-kontroversja li nqalet dwar il-ħsieb ta’ Yacht Marina fil-Kalkara. Huwa qal li l-Kunsill Lokali ġie spjegat il-pjan u l-ħsieb ta’ Transport Malta biex torganizza l-irmiġġi u li t-triq ‘il quddiem hija li kull pjan u xogħol jiġi diskuss mal-partijiet kollha nvoluti.
Intant wara r-rapport ta’ Times of Malta fejn inkiteb li l-Kunsill Lokali tal-Kalkara jinsab ‘komdu’ bil-pjan tal-marina, l-Kunsill Lokali tal-Kalkara ppublika din l-istqarrija:
Stqarrija Pubblika mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara dwar il-pjan ta’ Transport Malta għar-riorganizzazzjoni tal-irmiġġi fid-daħla tal-Kalkara.
Wara li għalqu l-jiem fejn stajna nressqu l-oġġezzjonijiet tagħna għall-applikazzjoni quddiem l-awtorita’ tal-ippjannar, il-Kunsill Lokali jinforma li ltaqa’ b’mod formali f’laqgħa ma’ Transport Malta.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sindku Wayne Aquilina u s-Segretarju Eżekuttiv Elaine Caruana min-naħa tal-Kunsill Lokali u l-Brigadier Jeffrey Curmi, Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.
F’din il-laqgħa ġie aċċertat lill-Kunsill, li mhux fil-pjan ta’ Transport Malta li ssir Yacht Marina fid-daħla tal-Kalkara. Transport Malta kkonfermat ukoll li d-daqs (foothprint) tal-yacht marina preżenti (imħaddma mill-privat) mhux ser tikber minn dik kif inhi issa u reġa’ ġie ikkonfermat ili hu l-ħsieb ta’ Transport Malta li ssir ri-organizzazzjoni tal-irmiġġi li hemm eżistenti. Transport Malta spjegat lill-Kunsill Lokali li bħalissa qed isir proċess ta’ studju taż-żona u kull deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni ser tkun qed tiġi deċiża b’diskussjoni mal-Kunsill Lokali u l-istakeholders kollha.
Il-kunsill lokali jagħmilha ċara li jaqbel mal-pjan u l-ħsieb ta’ Transport Malta abbażi li r-riorganizzazzjoni jkun proġett favur l-ambjent taż-żona, sabiex fuq kollox jinqatgħu l-abużi, tiġi s-salvagwardjata s-sigurta’ fil-baħar kif ukoll fl-interess li r-raħal tal-Kalkara jibqa’ jżomm il-karateristiċi identici tiegħu.
M’hix l-intenzjoni tal-Kunsill Lokali li jwaqqaf il-proċess li nbeda minn Transport Malta biex tirregolariżża ż-żona. Il-Kunsill Lokali ser jibqa’ fuq quddiem nett biex jissalvagwardja l-interessi tar-raħal, tar-residenti li huma dilettanti tad-dgħajjes u ta’ dawk li jagħmlu użu mill-bahar fid-daħla tal-Kalkara filwaqt li l-kunsill jifhem illi hija fir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta li jibqa’ jieħu ħsieb dan il proċess ta’ riorganizzazzjoni tal-irmiġġi.