Il-PM Robert Abela Jħabbar Qafas Leġiżlattiv Ġdid Li Jirregola L-Platform Work

 Il-PM Robert Abela Jħabbar Qafas Leġiżlattiv Ġdid Li Jirregola L-Platform Work

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-UĦM Voice of the Workers fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fl-aħħar jiem, il-Kabinett approva qafas leġiżlattiv li għandu jirregola dak magħruf bħala platform work. Dettalji dwar sett ta’ regoli ġodda aktar robusti se jingħataw mill-gvern fil-jiem li ġejjin iżda fil-laqgħa mal-UĦM, il-prim ministru spjega l-prinċipji ta’ dan il-qafas, fosthom li jirregolaw il-kuntratt tax-xogħol u li s-salarju ma jistax ikun inqas mill-paga minima fost drittijiet oħra bħal overtime u sick leave.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa tal-kuraġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet wara stħarriġ organizzat u strutturat mill-awtoritajiet, fil-każ tal-platform work, mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Fid-diskussjonijiet mal-union qabel il-Budget, Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u hawn talab għall-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali biex nibqgħu niġbdu investiment lejn Malta li bih nassiguraw dħul b’saħħtu għall-gvern u b’dak id-dħul, il-gvern jibqa’ jsostni l-għajnuna li qed jagħti quddiem sfidi straordinarji.

“L-ebda pajjiż mhu jgħin daqskemm qed jgħin il-Gvern Malti lin-nies, fosthom fil-qasam tal-enerġija u fl-importazzjoni taċ-ċereali”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li qal ukoll li l-Budget li jmiss irid ikun wieħed ta’ sostenibbiltà u ta’ stabbiltà. Dr Abela sostna wkoll fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u fisser kif il-Budget li jmiss se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa biex il-gvern jimplimenta l-manifest elettorali li għandu mandat fuqu min-nies.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella għadda numru ta’ proposti lill-gvern u saħaq fuq għan komuni għall-gvern u l-unions, dik tat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Hawn laqa’ b’sodisfazzjon dak li kien għadu kif ħabbar il-prim ministru fuq il-platform workers, liema ħaddiema f’dan is-settur qed jagħtu servizz li ndara u baqa’ wieħed kostanti anki wara l-pandemija. Is-Sur Vella spjega wkoll li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma għandux jiġi trattat bħala parti minn żieda fil-pagi li l-unions jinnegozjaw fi ftehimiet kollettivi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru Clyde Caruana u l-Ministru Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Amanda Spiteri Grech, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com