Il-PM Robert Abela Jipparteċipa F’Kunsill Ewropew Intensiv Dwar Il-Gass
Il-mexxejja Ewropej qablu fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija. Dawn kienu wħud mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa u li għalih attenda u pparteċipa l-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-jiem li ġejjin, wara l-komunikat ippubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, u proposta leġiżlattiva fuq dan is-suġġett, jintensifika aktar ix-xogħol fuq ix-xiri konġunt tal-gass bejn is-27 stat membru. Fi tmiem il-laqgħat intensivi bejn il-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti saħaq li dak maqbul possibbilment jgħin ukoll lil Malta f’inqas spejjeż li qed toħroġ f’għajnuna biex il-familji u n-negozji qed jibqgħu jgawdu minn stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Filwaqt li Malta hija koperta b’kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jagħtiha sigurezza, il-mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass se jgħin biex iwaqqa’ l-prezz tal-enerġija globalment, inkluża dik impurtata mill-interconnector li Malta għandha mal-Italja. B’hekk, anke pajjiżna mistenni jgawdi minn dak maqbul.
Dr Abela saħaq li għall-familji Maltin u Għawdxin se tibqa’ l-istabbiltà ekonomika u soċjali għaliex dawn se jibqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija frott l-għajnuna li qed jagħti l-gvern, li fuq din is-sena u s-sena d-dieħla tiżboq il-biljun ewro. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll il-fatt li din l-istrateġija, riflessa fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, li tippromwovi s-sostenn lill-familji u lin-negozji fil-qasam tal-enerġija fuq livell Ewropew, hi ċertifikat ieħor għad-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern Malti f’dan is-settur.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser it-tragward ewlieni li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda waqt id-diskussjonijiet appella biex il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ ssegwi mill-viċin is-sitwazzjoni dwar il-prezz tal-gass u l-enerġija, u fejn meħtieġ tipproponi interventi li jimmitigaw żidiet. Il-Gvern ta’ Malta nnota wkoll b’mod pożittiv kif l-istrateġija adottata, riflessa wkoll fil-komunikat tal-Kummissjoni Ewropea, se żżid il-flessibbiltà fl-użu tal-fondi Ewropej. Permezz ta’ din il-flessibbiltà, se jkun jista’ jsir finanzjament mill-fondi ta’ koeżjoni għal għajnuniet fil-qasam tal-enerġija.
Barra minn hekk, pożittiv ukoll il-fatt li qed tiġi kkunsidrata aktar flessibbiltà fir-regoli fil-qasam temporanju tal-għajnuna li jistgħu jippermettu l-gvernijiet tal-istati membri biex jagħtu, permezz ta’ skemi ta’ assistenza, għajnuna sa massimu ta’ madwar tliet kwarti ta’ miljun ewro lill-entitajiet privati sal-aħħar tal-2023 f’diversi oqsma fosthom it-trasport u l-enerġija. Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll regoli simplifikati għal permessi relatati ma’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, b’Dr Abela jisħaq li hawn ukoll, Malta mistennija tgawdi u tista’ tħaffef il-proċess tad-dikarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħha. Il-Prim Ministru Malti rrimarka li l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa investimenti f’enerġija rinnovabbli se jgħin ukoll fil-kompetittività tal-Unjoni u ta’ Malta. Dan apparti li l-konklużjonijiet isemmu wkoll investiment f’teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
F’Kunsill Ewropew impenjattiv ġew diskussa wkoll materji ekonomiċi fejn il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq livell Ewropew u anke dak nazzjonali rridu nibqgħu nikkordinaw politika soċjali li ma titfax il-piżijiet fuq il-familji u n-negozji. Il-mexxejja Ewropej tennew l-appoġġ lejn l-Ukrajna u meta fuq l-aġenda qamet id-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet esterni, fosthom ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, issemmiet ukoll il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, il-COP27. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’din il-konferenza rridu lkoll nonoraw dak maqbul fil-Ftehim ta’ Pariġi u fil-Patt Dwar il-Klima ta’ Glasgow u dan billi bil-politika tagħna nibqgħu nindirizzaw it-tibdil fil-klima b’miżuri ambjentali li jaħsbu wkoll fil-ġenerazzjonijiet futuri.
Ritratt (OPM)