Il-PN Isellem Lill-Anzjani U Jwiegħed Li Jibqa’ Jżommhom Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tiegħu

 Il-PN Isellem Lill-Anzjani U Jwiegħed Li Jibqa’ Jżommhom Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tiegħu
Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliema tiegħu Paula Mifsud Bonnici, isellem lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna u jisħaq li dawn għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna biex jingħataw id-dinjità u l-għajnuna kollha li tixirqilhom għal ħajja aktar komda.
Sfortunament, skont l-aħħar ċifri, fl-2021 irriżulta li kważi 30% tal-anzjani Maltin u Għawdxin jinsabu f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali, bil-qagħda finanzjarja tagħhom fl-aħħar xhur kompliet tiggrava minħabba ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, l-aktar fil-prezzijiet tal-ikel u tal-mediċini.
Din is-sitwazzjoni hi inkwetanti aktar meta l-Gvern jagħżel li jinjora din ir-realtà minflok ma jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-anzjani.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu wkoll fid-dawl ta’ diversi rapporti ta’ abbużi li qed isiru fuq l-anzjani. Filwaqt li jikkundanna kull tip ta’ abbuż, ġej minn min ġej, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Liġijiet ta’ pajjiżna għandhom jipproteġu aktar lill-persuni vulnerabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħaddan politika favur anzjanità attiva, li permezz tagħha, l-anzjani jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u anke fis-soċjetà wara li jirtiraw, b’ħafna minnhom illum qed jagħżlu wkoll li jagħmlu xogħol volontarju fis-soċjetà.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawn l-anzjani, kif ukoll lil dawk kollha li jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani ta’ pajjiżna fid-djar residenzjali u anke fid-djar privati.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com