L-FSWS Tinvesti Aktar Minn €26 Miljun Matul Is-Sena 2021
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) investiet total ta’ €26,560,000 matul is-sena 2021, €3.2 miljun fuq is-sena preċedenti. Fejn jidħol il-qasam tar-riżorsi umani, sar investiment kbir u ġew ingaġġati numru ta’ ħaddiema soċjali, terapisti tal-familja, psikologi, u professjonisti oħra li ta’ kuljum jgħinu familji fil-bżonn. Sal-aħħar tas-sena l-FSWS impjegat mad-967 persuna. Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie diskuss ir-rapport annwali tal-FSWS.
Il-każijiet li ħadmet fuqhom il-fondazzjoni komplew jiżdiedu u ammontaw għal 22,451 każ. Minn dawn 54% kienu nisa, filwaqt li 46% kienu rġiel. 27% mill-każijiet totali kellhom bejn it-18 u d-39 sena, 25% kellhom 17-il sena jew inqas, 24% kellhom bejn l-40 u d-59 sena, u 21% kellhom 60 sena jew aktar. Meta wieħed iħares lejn in-nazzjonalità tal-każijiet totali naraw li 85% minnhom kienu Maltin u 15% minnhom kienu barranin.
Tragward importanti fl-2021 kien it-tnedija tas-sit ġdid għall-fondazzjoni li ġie ddisinjat b’mod faċli biex jiġi aċċessat fuq il-mobile u b’hekk ikun aktar faċli biex vittmi, bħal dawk ta’ vjolenza domestika, jagħmlu kuntatt mal-fondazzjoni.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon innota u faħħar dawn it-tragwardi filwaqt illi għamel referenza għall-ħidma soċjali li qed twettaq l-FSWS fil-komunità flimkien ma’ għaqdiet mhux governattivi li jassistu nies vulnerabbli, bħal vittmi ta’ vjolenza domestika, ta’ diffikultajiet ta’ saħħa mentali, kif ukoll ta’ vizzji, fost oħrajn.
“Ma ninsewx illi wara kull każ ta’ għajnuna, ma hemmx biss persuna waħda, iżda familja u anke tfal. Irridu nkunu ta’ spalla għal kulħadd, speċjalment persuni vulnerabbli, li għaddejjin minn diffikultajiet psikoloġiċi. Dan l-aħħar smajna b’diversi każijiet ta’ suwiċidju, stajna nipprevjenu? Stajna għamilna iktar? Stajna fhimna aħjar minn xiex għaddejja dik il-persuna? Bħala professjonisti għandna d-dmir u r-responsabbiltà illi nkunu hemm għas-soċjetà, u noffru soluzzjonijiet u ħajja alternattiva”, stqarr il-Ministru Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li fl-2021, l-FSWS għamlet l-ewwel akkwist ta’ proprjetà hekk kif il-gvern approva u poġġa għad-dispożizzjoni tal-fondazzjoni l-fondi meħtieġa biex tixtri numru ta’ appartamenti ġebel u saqaf ġewwa Għawdex li eventwalment se jiġu konvertiti f’xelters għal persuni mingħajr dar.
Għall-ewwel darba matul l-2021 sar ukoll stħarriġ dwar il-perċezzjoni tal-klijenti fuq l-FSWS, li se jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-fondazzjoni. Il-marka medja ta’ dawk li wieġbu dwar il-prestazzjoni pożittiva tas-servizzi kollha offruti mill-FSWS kienet ta’ 70.50%. Mill-aspett ta’ IT, l-2021 rat ukoll l-implimentazzjoni ta’ Case Management System (CMS), liema sistema hija aktar effiċjenti fejn jidħol l-arkivju tal-informazzjoni.