Mara Fil-Periklu Tal-Mewt Wara Li Ttajret Minn Mutur F’Birkirkara

 Mara Fil-Periklu Tal-Mewt Wara Li Ttajret Minn Mutur F’Birkirkara

Mara ta’ 72 sena min-Naxxar qed tissielet għall-ħajjitha fl-Isptar Mater Dei wara li kmieni waranofsinhar ittajret minn mutur f’Birkirkara.

Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq il-Wied, Birkirkara meta l-vittma ntlaqtet minn mutur tal-għamla Honda misjuq minn żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Mosta.

Il-Pulizija qalet li mad-daqqa, is-sewwieq tal-mutur waqa’ minn fuqu u l-mutur baqa’ jitkaxkar u daħal f’karozza tal-għamla Renault, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 44 sena mix-Xewkija, Għawdex.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-anzjana l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.

Is-sewwieqa tal-vettura u tal-mutur ma weġġgħux. Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com