Persuni Jweġġgħu F’Żewġ Inċidenti Separati Tat-Traffiku

 Persuni Jweġġgħu F’Żewġ Inċidenti Separati Tat-Traffiku

Sewwieq ta’ mutur u żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku lbieraħ.

L-ewwel inċident seħħ għal xi s-siegħa ta’ waranofsinhar, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Honda, misjuq minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Ħamrun, u Toyota Belta, misjuqa minn Libjan ta’ 21 sena residenti San Ġwann.

It-tieni inċident ġara għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq tal-Papa, Birżebbuġa. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 27 sena residenti Birżebbuġa kien qed isuq Land Rover Defender, tilef il-kontroll, laqat arblu tad-dawl u nqaleb. Fil-vettura kien hemm ukoll żewġt irġiel ta’ 30 u 34 sena, it-tnejn residenti ż-Żejtun.

Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u s-sewwieq tal-mutur u tal-Land Rover, kif ukoll ir-raġel ta’ 30 sena, ittieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ix-xufier talLand Rover ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata bit-tieni inċident u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com