Sant Jaqbel Ma’ Proposti Biex Jiġu Ntaxxati Setturi Ekonomiċi Li Għamlu Profitti Imprevisti
Waqt dibattitu plenarju tal-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna u l-introduzzjoni tat-taxxa imprevista, l-eks Prim Ministru Alfred Sant innota li l-kriżi attwali kkaratterizzata minn prezzijiet li qed jogħlew, b’mod partikolari tal-ikel u l-enerġija ġabet magħha l-ħtieġa għal azzjoni straordinarja min-naħa tas-settur pubbliku. Għal din ir-raġuni, huwa saħaq li l-mobilizzazzjoni ta’ fondi ġodda f’volumi sinifikanti hija prerekwiżit vitali. Dawn il-fondi jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni fuq iċ-ċittadini u l-familji milquta ħażin mill-prezzijiet dejjem jogħlew u jipprovdu appoġġ lill-intrapriżi żgħar u medji affettwati ħażin fil-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, huwa żied jgħid.
Sant enfasizza li fiċ-ċirkostanzi attwali fondi biex jgħinu lil dawk iċ-ċittadini l-aktar milquta mill-inflazzjoni ma jistgħux jinġabru biss billi jinħoloq dejn ġdid. Għal dan il-għan, huwa ssuġġerixxa li jkun prudenti li jiġu ntaxxati dawk is-setturi ekonomiċi li għall-kuntrarju tal-bqija raw il-profitti tagħhom jiżdiedu bil-kbir minħabba l-kriżi.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew iddiskutew il-merti u l-aktar modi effettivi kif tiġi imposta taxxa imprevista fuq il-profitti tal-kumpaniji tal-enerġija. F’riżoluzzjoni adottata f’Mejju, huma kienu talbu għal tali taxxa fil-prinċipju. Taxxa imprevista (Windfall tax) hija taxxa applikata għal kumpaniji li jiġġeneraw żieda sinifikanti fil-qligħ tagħhom minħabba ċirkostanzi jew avvenimenti li mhumiex responsabbli għalihom.
Sant sostna li dawn is-setturi ekonomiċi għandhom jiġu identifikati b’mod strett u n-natura tal-irċevuti imprevisti tagħhom għandha tkun aċċessata b’mod korrett. “Fuq din il-bażi taxxi mhux punittivi fuq il-qligħ imprevist tagħhom għandhom jiġu speċifikati u ċċarġjati, fuq bażi ta’ darba biss jew għat-tul tal-kriżi u l-profitabbiltà għolja persistenti tagħhom”, huwa issuġġerixxa. Filwaqt li rrimarka li mhux ċar jekk
dan għandux isir fuq bażi Ewropea aktar milli fuq bażi nazzjonali biex tkun aktar ġusta jew aktar effettiva, huwa enfasizza li din il-problema jeħtieġ li tiġi ċċarata kemm jista’ jkun malajr, politikament u ekonomikament.
Barra minn hekk, huwa saħaq li għandha tingħata attenzjoni lill-implimentazzjoni ta’ taxxa imprevista, tkun kemm tkun strutturata biex tiżgura li ma toħloqx żbilanċ fost is-swieq maż-żmien medju.