Velja Tfakkar Il-5 Anniversarju Mill-Qtil Ta’ Daphne Caruana Galizia

 Velja Tfakkar Il-5 Anniversarju Mill-Qtil Ta’ Daphne Caruana Galizia

Fil-Belt Valletta ġiet organizzata velja biex tfakkar il-5 anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-velja tkellmu diversi kelliema fosthom il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Professur Maria Falcone, oħt il-Maġistrat Giovanni Falcone li nqatel mill-Mafja fl-1992.

Il-velja ġiet organizzata mill-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice kif ukoll minn Manuel Delia. Dawk li attendew imxew wara streamer li fuqha kien hemm miktub ‘Daphne Eroj Maltija’ minn Bieb il-Belt tul Triq ir-Repubblika sa ħdejn il-Monument tal-Ġustizzja.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li din il-ġlieda għall-ġustizzja se tibqa’ għaddejja. Qalet li Daphne Caruana Galizia dejjem għamlet xogħolha mhux skont x’jaqblilha iżda biex dak li hu ħażin, ma jibqax isir. Ta’ dan qalet li żebilħuha u heddewha u weġġgħu lill-familja Caruana Galizia kollha. Qalet li Daphne Caruana Galizia hi mara tal-azzar u dejjem imxiet mal-prinċipju u kefrija li qatluha bl-iktar mod barbaru. Qalet li dawk li qatluha ħasbu li se jsikktuha imma għarralhom għax b’mewtha għamlet terremot li heżżeż lill-pajjiż li nfirex madwar l-Ewropa. L-istat Malti hu responsabbli li jħares il-prinċipji li dejjem ħaddnet il-ġurnalista fosthom it-trasparenza u l-kontabilità biex tkun miġġielda l-korruzzjoni. Qalet li Caruana Galizia għarfet li d-dawl li jitfa’ l-ġurnaliżmu ħieles hu aqwa mid-dlam tad-diżonesti. Hija semmiet li bdew diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew dwar liġi tal-midja li permezz tagħha l-midja tal-istat fil-pajjiżi Ewropej ma jkunux dipendenti fuq il-gvernijiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com