Esebizzjoni Ta’ Mudelli Ta’ Kreaturi Tal-Baħar Fl-Esplora
Tħobb il-baħar u l-kreaturi li jgħixu fih? Tixtieq tara mudell ta’ balena żgħira, denfil jew kelb il-baħar? Issa huwa ċ-ċans tiegħek hekk kif f’Esplora se jkun hemm esebizzjoni ta’ mudelli ta’ kreaturi tal-baħar magħmula minn inflatables ta’ daqs reali.
Discovering the Big Blue – the Marine Wildlife Exhibition se tkun esebita fiċ-ċentru interattiv min-nhar it-Tlieta 15 ta’ Novembru sal-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru. L-ambjent oċeaniku huwa magħmul minn diversità ta’ kreaturi. F’din id-dinja fantastika ta’ taħt il-baħar wieħed isib kreaturi kbar bħall-baleni u organiżmi ċkejknin bħall-gambli. Uħud minn dawn il-kreaturi se jkunu rappreżentati bħala inflatables f’din l-esebizzjoni.
Discovering the Big Blue hija esebizzjoni interattiva u fl-istess waqt edukattiva fejn apparti minn dawn l-installazzjonijiet impressjonanti, wieħed se jkun jista’ wkoll jipparteċipa f’numru ta’ attivitijiet u workshops innovattivi u divertenti li jolqtu viżitaturi ta’ kull età.
Din l-esperjenza interattiva se titmexxa minn Andy Peters, persuna ta’ inspirazzjoni, li ħoloq din l-esebizzjoni biex isservi bħala għarfien dwar l-ambjent tal-baħar u l-importanza tal-preservazzjoni. Peters ilu joħloq dawn it-tip ta’ mudelli għal dawn l-aħħar 20 sena u permezz ta’ Discovering the Big Blue se jkun qed joffri perspettiva ġdida dwar l-oċean u l-ambjent tiegħu. Flimkien miegħu se jkun hemm ukoll voluntiera minn Nature Trust, Shark Lab kif ukoll komunikaturi tax-xjenza ta’ Esplora, li se jaħdmu flimkien biex juru l-meravilji ta’ taħt il-baħar lil kull min iżur din l-esebizzjoni.
Discovering the Big Blue – the Marine Wildlife Exhibition se tkun miftuħa f’dawn il-ħinijiet: Mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-9am u n-12.30pm għall-iskejjel biss u bejn in-12.30pm u t-3pm għall-viżitaturi kollha.
Is-Sibt u l-Ħadd bejn l-10am u l-5pm għall-viżitaturi kollha. Discovering the Big Blue hija inkluża fil-prezz tad-dħul ta’ Esplora u għalhekk mhux se jkun hemm spejjeż addizzjonali.
Għal aktar informazzjoni idħol fuq https://esplora.org.mt/discovering-the-big-blue/?lang=mt
Narawkom hemm!