Imniedi Ktieb Li Jkompli Jsaħħaħ Valuri Importanti Fost It-Tfal

 Imniedi Ktieb Li Jkompli Jsaħħaħ Valuri Importanti Fost It-Tfal

Fl-iskola primarja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela nediet il-ktieb ‘Int Tista’ u Taf Tpinġi’. Dan bħala parti mis-sittax-il jum t’attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika bit-tema ‘Il-Vjolenza Domestika Hi Affari Ta’ Kulħadd’.

Akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess ministeru, Matthew Vella, Dr Lydia Abela żaret numru ta’ klassijiet u segwiet b’attenzjoni lezzjoni marbuta mat-temi tal-imħabba u r-rispett. Dr Abela aċċennat fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni bħala għodda importanti biex ikomplu jitrawmu valuri importanti fost it-tfal u l-ġenerazzjonijiet li telgħin.

Fissret kif il-ktieb, li se jitqassam fl-iskejjel kollha primarji, huwa immirat għal tfal ta’ età żgħira u jgħallem dwar il-ħbiberija u r-rispett. Dan filwaqt li jgħin liċ-ċkejknin jesprimu lilhom infushom bl-arti u l-ħiliet kreattivi tagħhom. Dr Abela appellat biex quddiem sitwazzjoni ta’ sfida, it-tfal ma jiddejqux jitolbu l-għajnuna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal-Edukazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-qari biex kull student ikollu edukazzjoni sħiħa li twasslu biex ikun ċittadin responsabbli. “Permezz tal-kotba u kif qed naraw illum, permezz tat-tpinġija, qegħdin nagħtu għodda lit-tfal biex jifhmu kemm huwa importanti li jħobbu lilhom infushom u jirrispettaw lil dawk ta’ madwarhom,” qal il-Ministru Grima. Huwa enfasizza fuq l-importanza tal-irwol tal-guidance teachers fl-iskejjel li jgħinu lill-istudenti fil-kisba tal-istima personali, tar-responsabbiltà individwali, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-ħiliet soċjali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com