Jaqgħu Żewġ Ħaddiema Minn Fuq Sellum F’Inċidenti Separati
Illum, għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’lukanda li tinsab taħt kostruzzjoni fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li Indjan ta’ 57 sena residenti Tal-Pietà, weġġa’ wara li waqa’ minn fuq sellum waqt li kien qed jaħdem.
Waqt li kienu fuq il-post, il-Pulizija ġiet infurmata li kien waqa’ raġel ieħor faċċata tal-lukanda. Jidher li ħaddiem ieħor, Tork ta’ 45 sena residenti l-Gżira, kien ukoll waqa’ minn fuq sellum waqt li kien qed jaħdem.
Tim mediku ta l-assistenza u ambulanza ħadet liż-żewġ ħaddiema l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, it-Tork ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-Indjan ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.