Tibda Edizzjoni Oħra Ta’ PLAYCON – Eluf Ta’ Studenti Jattendu Fl-Ewwel Ġurnata

 Tibda Edizzjoni Oħra Ta’ PLAYCON – Eluf Ta’ Studenti Jattendu Fl-Ewwel Ġurnata

Jirritorna l-akbar avveniment tal-esports u l-videogaming f’pajjiżna; Playcon. Avveniment uniku li jlaqqa’ taħt saqaf wieħed l-imsieħba ewlenin f’dawn l-oqsma, istituzzjonijiet edukattivi, kumpaniji lokali u internazzjonali li jispeċjalizzaw fl-esports u l-videogaming, kif ukoll ismijiet ta’ professjonisti Maltin u internazzjonali li qedgħin jibnu karriera f’dawn l-oqsma.

Fl-ewwel jum aktar minn 2500 student minn skejjel primarji u tas-sekondarja żaru l-esebizzjonijiet interattivi li ġew mifruxa fuq aktar minn 5000 metru kwadru fl-MFCC Ta’ Qali. L-istudenti ipparteċipaw f’numru ta’ ‘masterclasses’, sezzjonijiet ta’ tgħalim u oħrajn divertenti li kienu imħejjija minn esperti u imsieħba flindustriji tal-esports u tal-video game development.

Aktar minn 30 entita’ qiegħdin jiffurmaw parti minn dan l-akbar avveniment tal-esports u video game development f’Malta, fosthom l-Ministeru għall-Edukazzjoni li qiegħed jistieden lill-bosta studenti, żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom f’din l-esperjenza unika fejn wieħed jista’ jara mill-viċin l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol li jeżistu f’pajjiżna fejn jidħlu l-oqsma tal-esports, l-videogaming, kif ukoll teknoloġija emerġenti.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar din l-opportunita’ unika fejn l-istudenti qiegħed ikollhom iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ professjonisti minn dawn l-oqsma, filwaqt li jaraw u jmissu b’idejhom l-opportunitajiet li dawn l-oqsma qedgħin joffru f’pajjiżna.

“Bħala pajjiż nemmnu f’edukazzjoni sħiħa, edukazzjoni li tgħin lit-tfal tagħna ikunu attrazzati bil-ħiliet neċessarji għal mod kif id-dinja tagħna qedgħa dejjem tevolvi” sostna l-Ministru Grima.

Matul l-ewwel jum ta’ Playcon, itella ukoll summit b’attendenza numeruża ta delegati Maltin u oħrajn internazzjonali fejn flimkien iddiskutew l-iżvilupp tal-video gaming madwar id-dinja, teknoloġiji emerġenti
u kif dawn l-oqsma qedgħin jikbru u jistgħu ikomplu jimirħu f’pajjiżna. Is-summit ser issokta fit-tieni jum ta’ Playcon.

Playcon ser tkun miftuħa għall-pubbliku b’xejn s-Sibt 5 ta’ Novembru mill-10am sa 8pm u l-Ħadd 6 ta’ Novembru mill-10am sa 7pm.

Playcon huwa avvenimenti organizzat minn GMR Concepts, Gaming Malta u l-Ministeru Ghall-Ekonomija, l-Artijiet u Fondi Ewropej. Aktar informazzjoni fuq www.playcon.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com