Dr Lydia Abela Tħabbar It-Tielet Edizzjoni Tal-Inizjattiva “Rigal Bi Mħabba”
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela ħabbret għat-tielet sena konsekuttiva l-inizjattiva “Rigal bi Mħabba”.
Fi Pjazza Kastilja, is-Sinjura Abela flimkien mat-tifla tagħha Giorgia Mae, xegħlu s-siġra tal-Milied u taw bidu għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ “Rigal bi Mħabba”. Kienu eluf ta’ familji u negozji Maltin u Għawdxin li fis-snin preċedenti laqgħu l-istedina ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u ħallew ir-rigali għat-tfal taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.
“L-iskop ewlieni ta’ “Rigal bi Mħabba” huwa li nferrħu lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha u għalhekk irridukom tingħaqdu magħna fl-aħħar ġurnata ta’ din l-inizjattiva, għal spettaklu mill-isbaħ u ġurnata ta’ attivitajiet li se nkunu qed intellgħu fi Pjazza Kastilja – permezz ta’ Villaġġ tal-Milied. Se jkollna fost oħrajn spettaklu ta’ mużika u kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fost attivitajiet oħra. Li hu żgur hu li l-21 ta’ Diċembru se tkun ġurnata għall-familji,” qalet Dr Abela.
Dr Abela ħabbret ukoll li din is-sena l-inizjattiva se tkun mifruxa madwar il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex bis-sehem tal-Kunsilli Lokali li se jkunu qegħdin jinvolvu u jħeġġu lin-nies iħallu r-rigali fil-pjazez rispettivi tagħhom.
In-nies huma mħeġġa jħallu rigal għat-tfal sa 12-il sena mit-12 ta’ Diċembru li ġej, bil-qofol tal-kampanja “Rigal bi Mħabba” jintlaħaq fil-21 ta’ Diċembru fi Pjazza Kastilja.
“L-edizzjoni tas-sentejn preċedenti kienu suċċess. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-Forzi Dixxiplinati kollha li għenu mill-bidu sal-aħħar fit-tqassim tar-rigali. Din il-parti ta’ “Rigal bi Mħabba” jkun fiha ħafna xogħol u napprezza s-sens ta’ altruwiżmu li wrew biex jaċċertaw li kull tifel u tifla ikollhom rigal. Il-Forzi tal-Ordni se jerġgħu jkunu magħna mill-ġdid f’din l-edizzjoni u ta’ dan ngħidilkom grazzi talli se tmorru pass oltre mix-xogħol tagħkom u turu kemm verament għandkom is-soċjetá kollha għal qalbkom,” qalet is-Sinjura Abela.
Ritratti: DOI/OPM