Jitħabbru L-Aħħar Attivitajiet Relatati Mal-Belt Kulturali 2022
Ix-xahar ta’ Diċembru ta’ din is-sena jimmarka l-aħħar xahar tal-lokalità tal-Marsa bħala l-Belt Kulturali 2022. Dan it-titlu offra lill-kunsill lokali tal-Marsa l-opportunità li jippromwovi u jsaħħaħ il-wirt storiku u kulturali ta’ din il-lokalità permezz ta’ programm kulturali. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm kulturali kien iffinanzjat minn fond sa massimu ta’ €200,000 allokat mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Marsa, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi ħabbru l-aħħar attivitajiet tal-Marsa – Belt Kulturali 2022.
“L-attivitajiet kulturali u l-inizjattivi ġodda li ttieħdu relatati ma’ dan it-titlu kollha jgħinu sabiex nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, filwaqt li faħħret il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-kunsill lokali tal-Marsa għall-implimentazzjoni tal-programm kulturali.
Permezz tal-finanzjament il-kunsill lokali fassal programm kulturali li wera s-sbuħija tal-lokalità tal-Marsa u tal-Marsin. Dan sar permezz ta’ diversi attivitajiet li ċċelebraw il-wirt storiku u t-tradizzjonijiet tal-lokalità, kif ukoll it-talenti u l-ħiliet tal-Marsin. L-għaqdiet tal-banda u tan-nar, il-gruppi tal-iscouts, il-grupp tal-pageant, il-gruppi tal-korijiet u diversi għaqdiet oħra kellhom l-opportunità li jikkontribwixxu fil-programm kulturali permezz tat-talenti tagħhom.
Għall-aħħar xahar il-kunsill lokali pprepara tliet proġetti ewlenin bit-tema tal-Milied. Fit-12 ta’ Diċembru se ssir parata bil-karrijiet tal-Milied fit-Triq Isouard u Triq Zerafa. Il-Villaġġ tal-Milied – ‘Christmas under the bridge’ li issa sar sinonimu mal-Marsa, ser jinfetaħ fl-14 ta’ Diċembru. Fl-istess ġurnata ser jiġi ċċelebrat Jum il-Marsa u ser jingħata wkoll Ġieħ il-Marsa. Fit-18 ta’ Diċembru ser jinfetaħ presepju uniku b’personaġġi u xeni Marsin.
“Il-Marsa – Belt Kulturali 2022 tieqaf uffiċjalment fl-aħħar ta’ din is-sena, iżda r-rieda u d-determinazzjoni tagħna se tibqa’ aktar minn qatt qabel sabiex inkomplu nagħmlu ġieħ lill-Marsa u l-Marsin,” qal is-Sur Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari fakkret li mis-sena d-dieħla r-Reġjun tan-Nofsinhar se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2023. “L-iskema Reġjun Kulturali ser tissostitwixxi l-iskema Belt jew Raħal Kulturali u dan se jsir bil-għan li aktar lokalitajiet ikollhom l-opportunità li jiċċelebraw l-wirt kulturali uniku tal-lokalità rispettiva tagħhom,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. L-istrateġiji kulturali għal kull reġjun se jkunu mħabbra aktar tard dan ix-xahar.
Għal aktar informazzjoni fuq l-attivitajiet fil-Marsa, żur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali tal-Marsa.