Nirien Ġewwa Residenza F’Ħal Qormi

Ilbieraħ, għal xi d-disgħa u kwart ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Aħwa Żammit, Ħal Qormi.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sabu li kien hemm nirien f’residenza fl-imsemmija triq.
Fuq il-post issejħu wkoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien, kif ukoll tim mediku.
Raġel ta’ 41 sena rnexxielu joħroġ mid-dar waħdu, filwaqt li mara ta’ 64 sena ġiet salvata minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn ġiet iċċertifikata li tinsab f’kundizzjoni serja. Ir-raġel ma sofra ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.