“Nemmnu ħafna li Dr Calvagna qiegħed il-Ġenna” – Angele, Puttinu Cares
Kieku llum qed jiġi ċċelebrat għeluq snin Dr Victor Calvagna, li flimkien ma’ Rennie u Angele ħadem għal Puttinu Cares.
Dr Calvagna, li kien l-ewwel onkoloġista tat-tfal f’Malta, miet f’Jannar tas-sena l-oħra, kawża ta’ inċident tat-traffiku.
Angele Cuschieri, il-President ta’ Puttinu Cares, ma’ STRADA RJALI, iddiskrivietu bħala bniedem uniku. “Dr Calvagna huwa konsulent mimli umiltà, ġgant tal-mediċina u l-iktar tabib prattiku u disponibbli li qatt iltqajt miegħu.”
Angele tistqarr magħna li jimmissjawh kuljum, iżda f’ġranet minnhom iktar minn oħrajn. “Nimmissjawh l-iżjed fl-okkażjonijiet speċjali, fil-maratoni u l-attivitajiet ta’ Puttinu, u kull meta jiġi xi ħadd b’xi problema medika. Għalina kien il-punt ta’ referiment. Nimmissjawh ukoll f’kull laqgħa tal-kumitat u meta jiġu l-ġenituri u pazjenti jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom.”
Madankollu, Angele tħoss li Dr Calvagna għadu preżenti fostna. “L-ispirtu ta’ Dr Calvagna jibqa’ għal dejjem. Nemmnu ħafna li qiegħed il-Ġenna u hemmhekk għandu iżjed ħin għal Puttinu. Allura jagħmel il-mirakli u kull ħin inħossuh magħna.”
Tispjega li x-xewqa ta’ Dr Calvagna kienet li t-tbatija tal-pazjenti tonqos. “Ix-xewqa tiegħu kienet li kull pazjent intaffulu ftit mit-tbatija. Għalhekk kien prattiku u kien jifraħ ġenwinament u jieħu pjaċir ħafna b’kull attività ta’ Puttinu Cares u bil-proġetti ta’ Puttinu għaliex bihom nistgħu ngħinu ħafna nies.”
Għaldaqstant, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, inti tista’ tkompli tagħmel ix-xewqa ta’ Dr Calvagna realtà.
“Nixtiequ li l-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad fil-ġurnata li fiha nfakkru l-passjoni ta’ Kristu fil-Ġimgħa l-Kbira. Nitolbu lil kulħadd jkun ġeneruż biex il-binja li semmejnieha għalih, indawruha f’appartamenti. B’hekk tkun lesta mill-aktar fis possibbli u nibdew nilqgħu pazjenti u familjari u flimkien inkomplu ntaffu ftit mit-tbatija.”