Fl-2022 it-Telecare Plus irċieva 11,500 telefonata ta’ emerġenza

 Fl-2022 it-Telecare Plus irċieva 11,500 telefonata ta’ emerġenza

11,491 telefonati lit-Telecare Plus is-sena li għaddiet kienu ta’ emerġenza. Fil-fatt, b’kollox saru 112,717-il telefonata minn anzjani li jagħmlu użu minn dan is-servizz. Fl-2022 kien hemm 6,190 klijent irreġistrat għat-telecare.

STRADA RJALI tkellemet ma’ Rita Tirchett, Assistent Direttur tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità dwar l-użu ta’ dan is-servizz utli għall-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità.

“L-iktar ghajnuna li tintalab mill-anzjani hija biex inċemplulhom għat-tabib (Ċentri tas-Saħħa)  jew l-ambulanza.  Għajnuna oħra hija dik ta’ bilejl meta jħossuhom beżgħana għax jisimgħu xi ħsejjes u anke meta iħossuhom waħedhom u jkunu jridu ma’ min jitkelmu.”

Telecare Plus huwa servizz li jagħti serħan il-moħħ lill-anzjani biex kemm jista’ jkun jibqgħu joqogħdu f’darhom u fil-komunità. Dan is-servizz jinkonsisti f’apparat li jitwaħħal mal-linja fissa tat-telefown, miegħu jingħata wkoll pendent biex jintlibes mill-anzjan.

L-operaturi jieħdu azzjoni fil-pront u kif meħtieg meta dawn jiġu ikkuntatjati permezz tal-pendent mill-klijent f’każ ta’ bżonn jew inċident fid-dar.

“Barra l-ewwel għajnuna ġo dar f’każ ta’ emerġenza it-Telecare Plus jista’ wkoll ikun ta’ serħan il-moħħ permezz ta’ apparat li jista’ jinxtara u jitwaħħal miegħu.  Bħala eżempju nistgħu ngħidu jitwaħħal intruder alarm jew fire alarm.  Jista’  jkun ta’ għajnuna kbira wkoll għal dawk l-anzjani biex iffakkarhom biex jieħdu xi mediċini dejjem fl-istess ħin għax ikun programmat għal dan il-għan.”

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità toffri s-servizz bażiku, filwaqt li l-apparat miżjud irid jitħallas mill-klijent.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com