“Ġieli ġew ġranet li ma kont niekol kważi xejn” – Dorothy

 “Ġieli ġew ġranet li ma kont niekol kważi xejn” – Dorothy

Dorothy, ta’ 11-il sena bdiet tagħmel dieta li wasslitha biex tagħmel iktar minn 15-il sena tbati mill-anorexia u l-bulimia.

Ma’ STRADA RJALI, Dorothy tgħidilna li n-nuqqas ta’ stima u l-ansjetà wassluha għal dan l-estrem.

“Ta’ ħdax-il sena bdejt nagħmel dieta. Fil-verità qatt ma kelli problema ta’ piż imma minħabba li nbati b’nuqqas ta’ stima tiegħi nnifsi u ansjetà ma kontx kuntenta bil-mod kif nidher.”

Tispjegalna kif malli bdiet tara li qed tonqos, bdiet tnaqqas aktar l-ikel.

“Bdejt billi kont niekol ikel iktar nutrittiv. Iktar ma bdejt nara n-numru fuq il-miżien jonqos, iktar bdejt innaqqas mill-ikel sakemm spiċċajt ma niekol kważi xejn. Għamilt iktar minn 15-il sena nbati mill-anorexia u bulimia.”

Tgħidilna li l-mod kif kienet tidher ma kienx juri r-realtà li kienet tgħix.

“Għaddejt minn ħafna fażijiet. Ġili ma kont niekol kważi xejn, ġieli kont niekol ftit iktar, però xorta ma kienx ikun biżżejjed. F’ċerti mumenti għalkemm kont niekol u f’għajnejn kulħadd kont b’saħħti, jiena ma kontx u xorta kont għadni qed inbati minn eating disorder. Moħħi kien jaħseb il-ħin kollu fuq l-ikel u x’nista’ nagħmel biex innaqqas mill-piż, minkejja li fiżikament kont nidher tajba.”

Tistqarr li din kienet esperjenza qarsa. “Għalija ħolma kerha. Immaġina tħoss lil xi ħadd f’moħħok il-ħin kollu jgħidlek biex ma tiekolx jew tiekol ftit. L-ikel tibda tarah f’numri ta’ kaloriji u tħossok li ma ħaqqekx li tgħix għax in-numru ta’ fuq il-miżien mhux dak li xtaqt. Min jaf kemm bkejt għal ftit grammi iżjed fuq il-miżien.”

Dak li kienet għaddejja minnu, Dorothy bdiet taħbih, imma d-dehra ma ħallithiex tibqa’ żżomm dan is-sigriet.

“Dak iż-żmien ma tantx kien hawn għarfien u għall-bidu kont naħbiha. Però mbagħad meta bdejt nitlef ħafna piż, ovvjament kulħadd beda jinduna x’beda jiġri. Probabbli għall-bidu lanqas jien stess ma kont naf x’inhu jiġri, kont inħossni kkontrollata minn xi ħaġa ikbar minni. “

Illum Dorothy qed terġa’ tgħix.

“Illum inħossni aħjar u jiena ħafna aħjar, ovvjament bis-saħħa tat-terapija. Fl-2015 kont mort Kenn Għal Saħħtek fejn kien wieħed mill-ikbar fatturi li għenuni naħdem fuqi nnifsi u nkun iktar b’saħħti meta jkolli ċerti ħsibijiet. Inħossni ffortunata għax mdawra b’nies li huma s-support system tiegħi, inkluż il-familja u l-kollegi.”

Hija għaddiet messaġġ ta’ tama.

“L-appell tiegħu hu li jieħdu l-għajnuna minn nies professjonali u ma jaqtgħux qalbhom minnhom infushom. Nixtieq nagħmel appell lill-pubbliku inġenerali biex ma jgħaddux kummenti fuq il-piż ta’ ħaddieħor. Frażijiet bħal “qed titbaċċaċ jew jekk tiekol dak ħa tbatih la tikber” għandu jiġi evitat. Irridu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna, ta’ wliedna jew in-nies ta’ madwarna. Kulħadd ħaqqu li jkun ferħan, ħadd ma ħaqqu li jweġġa’ lilu nnifsu. Ħaqqkom tgħixu u mhux teżistu.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com