Malti jirbaħ kompetizzjoni kontra ġganti internazzjonali tal-logħob tal-kompjuter

 Malti jirbaħ kompetizzjoni kontra ġganti internazzjonali tal-logħob tal-kompjuter

Malti jirbaħ premju tad-deheb u jikseb it-tieni post f’kompetizzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tal-logħob tal-kompjuter bil-logħba, li żvilluppa hu f’disa’ xhur.

STRADA RJALI tkellmet ma’ Ryan Portelli, l-iżviluppatur tal-logħba Backrooms 1998.

“Hija logħba li jiena ħloqt wara li xtaqt nivvinta logħba oħra tal-biża’. Kont rajt xi filmati ta’ meta kont żgħir, u ġietni l-idea biex nagħmel logħba fuq dak il-periodu ta’ żmien il-VHS tapes, kif ukol xtaqt nuża xi filmati minnhom fil-logħba tiegħi – u minn hemmhekk nista’ ngħid li bdejt id-development tagħha. L-inspirazzjoni kienet minn legenda tal-Backrooms fuq l-internet, iżda imxejt bl-ideat u storja li ħloqt jien minflok.”

Ryan qal li min dejjem kienu jaffaxxinawh il-logħob.

“L-imħabba tiegħi bdiet ta’ età żgħira meta kont nilgħab bil-Playstation. Apparti li kont nilgħab, kelli wkoll kurżità fuq kif jinħdmu l-logħob. Minn meta kont żgħir min dejjem kont niprova infittex informazzjoni fuq l-internet, naqra u nara dokumentarji dwar kif isiru l-logħob.”

Żied jgħid li qatt ma basar li ħolma li kellu meta kien għadu żgħir se ssirlu realtà. Beda jiżvilluppa l-logħob bħala passatemp u tgħallem kollox waħdu billi jara filmati fuq l-internet.

“Qatt ma kelli l-opportunità li nistudja u nkompli skola, allura kelli nitgħallem kollox waħdi. Qatt ma bsart li llum il-ġurnata sar ix-xogħol tiegħi, u nieħu l-unuri għal dak li nħobb nagħmel. Hija xi ħaġa li għandi ma rridx nemmen.”

Ryan baqa’ jippersisti fuq dak li xtaq li jaħdem dwaru, minkejja li bosta kienu jgħidulu li hawn Malta m’hawnx futur għal dak li jixtieq.

“Forsi għax dak iż-żmien ma tantx kien hawn opportunitajiet għal nies bħali. Ghalhekk ħadt id-deċiżjoni li nitgħallem waħdi fis-silenzju billi naqra u nara il-videos fuq l-internet. Ilum il-ġurnata, nieħu gost nara li f’Malta qed tidħol iżjed f’din l-industrja u tagħti opportunatijiet għal nies bħali.”

Iżda qabel ma’ wasal fejn wasal, Ryan kellu jagħmel bosta sagrifiċċji.

“Kont naħdem full-time ġo fabbrika allura għamilt ħafna sforz biex wara ix-xogħol imur inkompli naħdem fuq il-logħba, iżda nista’ ngħid li is-sagrifiċċju kien worth it.”

U r-riżultat kien wieħed sabiħ ħafna.

“Il-kompetizzjoni dħalt wara li ġejt ikkuntattjat minn NYX Game Awards li waħda mil-logħba tiegħi ġiet innominata għall-unur fil-kategorija tal-biża’ u staqsewni hux imħajjar nidħol. Jiena aċċetajt, imma meta rajt il-kompetizjonijiet ma’ min kont qed inħabbat wiċċi ma’ kumpaniji ġganti ovvjament li ħadta for granted.”

Żied jgħid li b’ċertu limitu, Il-logħob ilum jistgħu jgħinuk ħafna, kemm għall-ideat u anki jekk ikollok xi interess bħalma kellu hu.

“Beda kollox minn sempliċitament billi ‘naħli’ il-ħin fuq il-playstation. Qatt ma huwa ħela ta’ ħin jekk tkun qed tagħmel xi ħaġa li tħobb, dan huwa bħal kull passatempt ieħor.”

Temm b’messaġġ għal dawk li qed jaħsbu biex jagħmlu l-istess pass.

“Dawk kollha li għandhom ħolma li jagħmlu xi ħaġa f’ħajjithom, ma jaqtgħux qalbhom u jibqħu jippersistu anke meta forsi xi ħaġa ma tmurx kif ikunu xtaqu huma. Dejjem keep moving forward għal ħolma tiegħek.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com