Mara fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku f’Għawdex
Mara ta’ 32 sena li toqgħod ix-Xewkija tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-Għasri.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-14.15 fi Triq l-Għarb.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Yaris misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti x-Xewkija u Toyota Corolla misjuqa minn raġel ta’ 34 sena mill-Fontana.
Il-Mara flimkien ma’ tifel ta’ tliet snin kienu passiġġieri fil-Yaris, filwaqt li mara ta’ 30 sena mill-Fontana kienet passiġġiera fil-Corolla.
Tim mediku ta l-ewwel għajuna lill-vittmi fuq il-post u wara ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal aktar kura. It-tifel ta’ 3 snin ma ġarrabx ġrieħi, iżda l-mara ta’ 32 sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji. It-tliet persuni l-oħra weġġgħu ħafif.
Il-Maġistrat Simone Grech qiegħda tmexxi inkjesta.
F’inċident separat, sewwieq ta’ mutur ta’ 30 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar weġġa’ gravi f’ħabta bejn karozza u Mutur. L-inċident seħħ ilbieraħ fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin.