“Ninsabu kommessi li nipprovdu lill-partitarji kompetizzjoni iktar kompetittiva” Dr Muscat
Illum Alberto Colombo, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-European Leagues, żar Malta.
Hawnhekk huwa ġie aġġornat bin-negozji li qed isiru bejn il-Malta Premier League u l-Malta Football Association. Dawn in-negozji għandhom iwasslu għall-ħolqien ta’ kampjonat ġdid f’Malta.
Il-MPL u l-MFA qablu li t-taħditiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba u skont l-iskeda miftehma.
Għaldaqstant is-Sur Colombo stqarr li lesti jagħtu l-għajnuna tagħhom.
“L-European Leagues u l-membri tagħha huma lesti li jgħinu b’mod sħiħ fil- proċess biex il-Malta Premier League tingħata r-rikonoxximent istituzzjonali bħala l-organizattur tal-kampjonat Malti, pass li għandu jkun strumentali għas- suċċess tal-iżvilupp sportiv u kummerċjali tal-klabbs fil-futur qrib.”
Min-naħa tiegħu ċ-Charmain tal-Malta Premier League, Dr Joseph Muscat, irringrazzja lil European Leagues għall-assistenza li qed toffri lill-MPL.
“Ninsabu kommessi li nużaw ir- riżorsi kollha għad-dispozizzjoni tagħna biex nipprovdu lill-partitarji kompetizzjoni iktar kompetittiva u eċitanti.”
Matul iz-żjara tiegħu, Alberto Colombo ltaqa’ wkoll mal-President tal-MFA, Bjorn Vassallo.
Ritratt: MPL