Tar-Rabat hija l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
Fil-gżejjer Maltin propjament għandna 19-il purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-eqdem waħda bdiet tiġi organizzata mill-Franġiskani Minuri tar-Rabat, u li aktarx bdiet għall-aħħar tas-seklu 16. Dawn il-patrijiet bdew purċissjoni oħra fil-Belt Valletta fl-1645.
Il-purċissjoni ta’ Ħal Qormi kienet diġà stabbilita sew fl-1764 u aktarx li kellha l-bidu tagħha fit-tieni nofs tas-seklu sbatax, jiġifieri ftit wara l-purċissjoni tal-Belt Valletta.
Is-seklu ta’ wara ra żieda f’dawn il-purċissjonijiet. L-aktar parti li ħassitha kienet l-area tat-tliet ibliet. Insibu li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bdiet issir ġol-Birgu (c.1700), l-Isla (c.1719), Ħaż-Żebbuġ (c.1742) u Bormla (c.1700).
Fis-seklu dsatax in-numru tal-purċissjonijiet baqgħu jiżdiedu.
Insibu purċissjonijiet f’Ħal Għaxaq (c.1820), Ħal Luqa (c.1830), fil-parroċċa ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex (c.1830), in-Naxxar (c.1833), fiż-Żejtun (c.1839), Mosta u Għargħur (1866).
Is-seklu għoxrin kien seklu importanti tal-purċissjonijiet Għawdxin. Insibu waħda fin-Nadur (1913), Xagħra (1914), iż-Żebbuġ (1918/20) u sett vari fix-Xewkija (1921). Il-katidral t’Għawdex beda jagħmel din il-purċissjoni fl-1968.
Fl-1944 saret il-vara tar-Redentur f’Raħal Ġdid u d-Duluri fl-1947. Fl-1971 Raħal Ġdid kellu wkoll is-sett tieghu.
Illum il-purċissjonijiet issaħħu u ssib ukoll irħula bħall-Imġarr Malta li ppruvaw jagħmlu waħda huma wkoll imma kien hemm kwistjoni dwar dan tant li ma tħallietx li ssir mal-kumplament tal-purċissjonijiet l-oħra imma ssir it-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Bilħaqq, tafu li l-fanali anke tal-vari kienu saru apposta biex idawwlu t-toroq li dari kienu jkunu dlam ċappa. Għalkemm ħa ngħiduha kif inhi, anke fl-2010 ġejna bżonnhom għaliex kien mar id-dawl madwar il-pajjiż kollu tant li karozzi bdew jinxtegħlu biex jgħinu fit-turija tat-triq lir-reffiegħa.
Ritratt: Il-Ġimgħa l-Kbira – Rabat