8 postijiet li għandek iżżur ġewwa d-Dolomiti
Vaganza fid-Dolomiti fl-Italja żgur hija vaganza li ma għandekx titlef.
Mimlija sbuħija naturali, dawn li ġejjin huma 8 postijiet li għandek iżżur.
1. Bolzano
- Bolzano għandha 3 lingwi uffiċjali; it-Taljan, il-Ġermaniż u l-Ladin (djalett tad-Dolomiti). Fil-fatt insibu taħlita tal-kultura Taljana u Ġermaniża. Din hija riflessa fil-lingwa, fl-ikel u fix-xorb, u l-ikar fl-attrazzjonijiet storiċi.
- Il-belt ta’ Bolzano hija mdawra bil-muntanji, fuq tliet naħat. In-naħa t’isfel hija kkultivata bid-dwieli, frott u ħaxix; xenarju li bħal donnu qisek qed tara kartolina.
- Xi ħaġa interessanti hi li din il-belt rari tinħakem minn irjiħat kiesħa minħabba li hi mdawra mill-muntanji.
- Din il-belt ġiet ibbumbardjata fit-Tieni Gwerra Dinjija u wara ġiet irrestawrata bil-karatteristiċi oriġinali tagħhom, jiġifieri dawk Awtrijaki.
- Il-parti antika u storika ta’ din il-belt, speċjalment l-Arkati ta’ Bolzano (Via dei Portici) – għal ħafna sekli kienu jservu bħala punt kruċjali għall-kummerċ bejn l-Italja u l-Ġermanja. Illum il-ġurnata din hija l-ħajja tal-belt fejn it-tradizzjoni u l-modern ingħaqqdu f’armonija.
- L-Arkati ta’ Bolzano – Via dei Portici bit-Taljan u Laubengasse bil-Ġermaniż, huwa l-aktar sqaq famuż popolari. Din hija triq mimlija ħwienet b’arkati Gotiċi li jgħaqqdu Piazza delle Erbe mal-muniċipju.
- L-awtentiċi u l-istorja ta’ din il-belt hija viżibbli fil-kastelli li jinsabu hawnhekk u anke f’sempliċi mixja tul id-distrett Gries-San Quirino.
- Eżatt wara l-parti l-antika tal-belt insibu l-Kastell Runkelstein, mibni fl-1237, b’affreski impressjonanti, il-Kastell Sigmundskron li fih l-MMM Messner Mountain Museum Firmian – l-aqwa fost il-mużewijiet tal-muntanja li ġew imwaqqfa minn Reindhold Messner.
- Attrazzjoni oħra huwa l-mużew tal-arkeoloġija, fejn wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ Otzi, il-famuż raġel tas-silġ minn Similaun.
- Il-pajsaġġ ta’ Bolzano jirrifletti ħafna l-passat faxxist tal-belt. Dan huwa evidenti ħafna fil-monument tal-vittorja u f’Semirurali House li hija l-unika dar mill-klassi tal-ħaddiema li għadha teżisti mis-snin tletin.
- Permezz ta’ cable car wieħed jista’ jgawdi veduta ta’ Bolzano mill-għoli.
2. Renon Earth Pyramids
- Fuq il-muntanja Renon, fost diversi postijiet oħra, insibu l-itwal piramidi fl-Ewropa bl-aktar forma perfetta li tista’ teżisti – dawn huma magħrufin bħala ‘Earth Pyramids’.
- Dawn l-Earth Pyramids huma fenomenu tan-natura li jiżviluppaw fuq terren partikolari, ġeneralment wara valanga tat-tafal. Il-kawża prinċipali ta’ din il-formazzjoni hija l-alternazzjoni kontinwa ta’ perjodi ta’ xita qawwija segwita b’nixfa kbira – fenomenu li ilu għaddej sa mill-era tas-silġ.
3. Merano
- Din hija mdawra bil-muntanji u magħrufa l-aktar għan-numru ta’ spa resorts li wieħed isib hawnhekk.
- Għadd kbir ta’ bini storiku mill-Medju Evu sal-Belle Epoqu nsibuh fil-parti l-antika ta’ din il-belt. Uħud minn dan il-bini għadu jintuża bħal Kurhaus u t-teatru ta’ Merano
- Merano hija magħrufa bħala l-belt tal-ġonna. Dan huwa sostanzjat bin-numru kbir ta’ siġar tal-palm, oleander, cactus u fjuri kkuluriti li jinsab tul il-belt kollha.
4. Giardini Sissi
- L-Imperatriċi Eliżabetta tal-Awstrija ta’ spiss kienet iżżur Merano u permezz ta’ hekk din il-belt ċkejkna saret rinomata b’mod internazzjonali.
- Din l-imperatriċi tant kienet tħobb il-ġonna tal-Kastell Trauttmansdorff li llum il-ġurnata ħafna jafuhom bħala l-Ġonna Sissi.
- Dawn il-ġonna huma l-aktar famużi u l-iktar li jaraw turisti ġewwa Sud Tirol u huma mdawrin bil-muntanji – joffru xenarju spettakolari tal-kartolini.
- Hemmhekk issib 80 tip ta’ pjanti lokali, eżotiċi u Mediterranji kollha organizzati skont ir-reġjun tal-oriġini.
5. Durnholz
- Dan huwa villaġġ tal-muntanja, żgħir, b’260 abitant biss
- Insibu biss 37 irziezet, 15-il dar privata, żewġ guest houses, knisja, kappella u skola.
- Ġewwa Durnholz insibu lag verament pittoresk. Fix-xitwa jiffriża u jintuża għall-iskating.
6. Lago di Carezza
- Lag żgħir fid-Dolomiti popolari ħafna għall-kulur tal-ilma sabiħ tiegħu – kulur l-iżmerald, u għax-xenarju tal-muntanji li jdawruh.
- Popolari ħafna mal-fotografi speċjalment meta l-muntanji jkunu riflessi fl-ilma tal-lag
7. Bressanone
- Brixen, magħrufa bħala Bressanone, hija l-eqdem belt tat-Tirol, imżejna b’toroq dojoq estremament ħelwin. Dan huwa ċentru storiku mimli ħajja.
- Bressanone dejjem kellha parti reliġjuża important u wieħed jista’ jinnota dan fil-ħafna statwi reliġjużi li jinsabu f’kull kantuniera tal-belt.
- Il-katidral ta’ Bressanone jirrifletti s-saħħa li kellhom l-isqfijiet. Il-ġmiel tal-kmamar interni huwa ta’ barra minn hawn bi 33 tip ta’ rħam, kollha differenti, Madonna Gotika u orgni li fih 3,335 pajp.
- Ftit ’il bogħod mill-katidral insibu l-Hofburg – il-palazz tal-isqfijiet. Illum il-ġurnata dan il-bini huwa mużew b’70 sala li juru l-istorja ta’ din il-belt mill-Medju Evu sal-ġurnata preżenti.
- Wieħed ma jistax ma jiqafx ħdejn il-famuża lukanda storika bl-isem ta’ ‘Elephant’. Il-faċċata ta’ din il-lukanda hija mżejna b’affresk tal-iljunfant Soliman. Dan l-iljunfant huwa parti mill-istorja ta’ Bressanone. Jingħad li fl-1552, Soliman qatta’ ġimagħtejn f’din il-belt fi triqtu mill-Indja għal Vjenna. Sid din il-lukanda, Andra Posch, żamm dan l-iljunfant fl-istalel tiegħu u biddel l-isem tal-lukanda għal dak li hu llum.
8. Sarentino
- It-tradizzjoni u l-kultura għadhom important ħafna f’dan il-villaġġ u l-kostumi tradizzjonali mhux talli huma sbieħ imma huma wkoll parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-abitanti. In-nisa jilbsu kostum ikkulurit, bil-parti ta’ fuq irrakmata kollha u b’fardal. Min-naħa l-ohra l-irġiel jilbsu qalziet tal-ġilda sa fuq l-irkoppa u gakketta tradizzjonali magħmula minn suf. Ma’ dan il-kostum jilbsu wkoll ċinturin kbir tal-ġilda, irrakkmat b’rixa ta’ pagun.
- In-nies tal-lokal jirreferu għall-villaġġ ta’ Sarentino bħala Dorf jew sempliċiment ‘il-villaġġ’. Ma tismagħhomx jgħidu ‘jien sejjer sa Sarentino’ imma jgħidu ‘jien sejjer il-villaġġ’
- Sarentino huwa mdawwar b’xenarju straordinarju ta’ muntanji u widien u kkunsidrat bħala ftit mill-partijiet awtentiċi li għadhom jeżistu ġewwa s-Sud Tirol.
Ibbukja issa l-vaganza tiegħek ma’ Travel Mall biex iżżur dawn il-postijiet. Għal iżjed informazzjoni agħfas idħol fuq: Italian Dolomites – Travel Mall u hawn: Italian Dolomites – Travel Mall