Ambaxxatur tar-Repubblika Ċeka, Jan Kohout, jippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

 Ambaxxatur tar-Repubblika Ċeka, Jan Kohout, jippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

L-Ambaxxatur tar-Repubblika Ċeka, Jan Kohout, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

 

Il-President Vella beda l-laqgħa billi osserva li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Repubblika Ċeka, li ilhom għal żmien twil, żviluppaw b’suċċess fil-livell bilaterali kif ukoll fuq pjattaformi internazzjonali. Malta, li temmen bis-sħiħ fil-multilateraliżmu, tinsab ħerqana li taħdem flimkien mar-Repubblika Ċeka fid-diversi forums internazzjonali u reġjonali, b’mod speċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda biex jibqgħu jitjiebu u jissaħħu r-relazzjonijiet.

 

L-Ambaxxatur Kohout spjega li għandu l-ħsieb li jintensifika r-relazzjonijiet bilaterali b’mod speċjali mill-aspetti kummerċjali u kulturali. Malta hija destinazzjoni turistika attraenti ħafna għall-viżitaturi Ċeki bis-saħħa tal-wirt kulturali uniku tagħha. Mill-perspettiva kulturali, l-Ambaxxatur semma l-potenzjal ta’ skambji bejn Praga u l-Belt Valletta, fid-dawl tal-karatteristiċi barokki prominenti ħafna tagħhom. L-Ambaxxatur Kohout feraħ lil Malta għall-mandat tagħha bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-perjodu 2023-2024.

 

Ġiet diskussa l-gwerra Russa fl-Ukrajna, b’enfasi partikolari fuq l-effetti li kellha fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni Ukrena.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com