Fil-mument tal-prova, l-artist jaf li għandu Gvern li jemmen fil-libertà tal-espressjoni artistika ​

 Fil-mument tal-prova, l-artist jaf li għandu Gvern li jemmen fil-libertà tal-espressjoni artistika ​

l-Gvern jemmen b’konvinzjoni fir-rwol kruċjali li għandhom l-artisti u l-kreattivi tagħna fis-soċjetà. L-artist jaf li għandu warajh Gvern li jemmen bis-sħiħ fil-funzjoni tant importanti li l-arti u l-kreattività jwettqu u, hekk kif sar magħruf li numru ta’ artisti se jitressqu quddiem Qorti ta’ natura kriminali wara kwerela ta’ persuna privata, minnufih inbeda proċess leġislattiv għal riformi ulterjuri li se jkomplu jsaħħu l-espressjoni artistika.

Dan qed isir għaliex il-Gvern iwettaq fil-prattika dak li jemmen fih.

Dan intqal mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri matul konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi msejjaħ Att sabiex ikompli jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika, li dwaru diġà sar l-ewwel qari t-Tnejn li għadda fil-Kamra tad-Deputati.

 

L-abbozz ta’ liġi għandu l-għan li jsiru provvedimenti biex jiġi evitat l-użu skorrett tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li jista’ jwassal li tinħonoq din il-forma ta’ espressjoni.

 

Għal dan il-għan, l-abbozz ta’ liġi jipproponi emendi li jipprovdu li sakemm artist ma jinkludix espressjonijiet ta’ theddid kredibbli u realistiku għal-libertà jew għas-sigurtà personali tal-kwerelant jew għall-proprjetà tiegħu, il-liġijiet marbuta mal-projbizzjoni ta’ insulti u theddid u tal-użu ħażin tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jiġu interpretati mill-Qrati b’mod li ma jxekklux l-espressjoni artistika, satirika jew komika.

 

Il-Ministru Bonnici saħaq li l-Gvern qed iwettaq fil-prattika dak li ilu jemmen fih, cioé li l-artist għandu jitħalla jesprimi ruħu bl-iktar mod ampju fit-twettiq tal-espressjoni kulturali.  “We are walking the talk,” qal il-Ministru Bonnici, u saħaq li l-mod kif tmexxew b’mod tempestiv il-bidliet u r-riformi meħtieġa juru kemm il-Gvern jemmen li l-artisti u l-kreattivi tagħna huma importanti għal soċjetà dinamika u b’saħħitha.

 

Huwa qal li l-artist ikun qed jesprimi ruħu kulturalment fi produzzjoni artistika jkun qiegħed jaħdem ix-xogħol, il-professjoni, il-mestier tiegħu. “Talli jwettaq ix-xogħol tiegħu l-artist m’għandux jiġi trattat ta’ kriminal,” qal il-Ministru Bonnici, u saħaq li minflok, l-artist għandu jiġi stmat u mogħti l-opportunità kollha biex jesprimi ruħu kulturalment bl-iktar mod ampju u miftuħ.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-abbozz se jara li tkompli tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-libertà artistika u kontemporanjament sabiex jiġi evitat l-użu skorrett tas-sistema tal-ġustizzja kriminali.

 

“Dan qed nagħmluh għax żgur li kollha kemm aħna ma nistgħux nimmaġinaw pajjiż bla arti. Bla libertà tal-kelma. Bla espressjoni artistika. L-arti mingħajr l-libertà li tesprimi dik l-arti mhux arti. Jekk artist ser ikun limitat fil-kreattività tiegħu jew tagħha, sempliċiment għax imbeżża’ li jista’ jispiċċa l-Qorti, ma jkunx artist. Għaliex l-artist dak huwa xogħlu u għaliex jagħmel xogħlu ma naħsbux li għandu jiġi trattat ta’ kriminal,” sostna l-Ministru Camilleri.

 

Il-Ministru Camilleri saħaq li wieħed jifhem li l-arti fil-forom tagħha, inkluż is-satira, hija minn xi drabi eċċessiva, iżda din ma toffri l-ebda theddida kredibbli u realistika għal-libertà jew għas-sigurtà personali ta’ xi persuna u għaldaqstant min jagħmilha m’għandux jispiċċa l-Qorti. Fuq dan l-istess punt Dr Camilleri semma kif, permezz tat-televiżjoni u l-internet, nistgħu nsegwu dak li jagħmlu artisti satiriċi barranin u saħaq li huwa mhux lest li jaċċetta li dak li jsir minn artisti barra minn Malta, niċċelebrawh u nitbissmu meta nsegwuh, imma imbagħad dak li jsir f’pajjiżna, in-nies, l-artisti li jużaw din it-tip ta’ arti, jispiċċaw jittieħdu l-Qorti.

Fl-aħħarnett, il-Ministru Byron Camilleri qal li huwa jifhem li l-Pulizija trid tikkunsidra r-rapporti li jidħlu quddiemha, iżda din m’għandhiex isservi ta’ għodda f’idejn min irid joħnoq l-arti u l-libertà tal-ħsieb. “Dan l-abbozz juri kemm dan huwa Gvern riformista u li kontinwament ma jiddejjaq xejn jiġġieled l-istatus quo, għax l-istatus-quo mhuwiex is-soluzzjoni,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Hekk kif jiġi ppubblikat l-abbozz, huwa mistenni li fil-ġranet li ġejjin tibda d-diskussjoni fil-Kamra tad-Deputati fi stadju tat-Tieni Qari.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com