Għandna bżonnha l-VAR għall-Premier Malti?
Meta fil-kampjonati madwar l-Ewropa issa l-VAR daħlet sew, hawn Malta għadna mingħajr din is-sistema ta’ għajnuna biex l-uffiċjali tal-logħba jkollhom kontroll aħjar u l-iżbalji jonqsu. Sorsi fi ħdan l-MFA qalulna li biex din is-sistema tiġi attivata fil-kampjonat Malti jeħtieġu mijiet kbar ta’ eluf kemm għas-sistema bħala apparat imma kif ukoll bħala liċenzja.
Il-klabbs Maltin ma humiex kuntenti li ta’ kull ġimgħa jkun hemm żbalji li bil-VAR jinqabdu faċilment imma l-aktar li ma humiex kuntenti huma r-referees stess. Apparti li l-VAR hija ta’ għajnuna għall-istess referee biex ikollu kontroll tajjeb tal-logħba, il-fatt li Malta ma għandniex din is-sistema huwa ta’ xkiel biex l-uffiċjali Maltin jikkontrollaw logħbiet internazzjonali ta’ ċertu livell.
Fil-logħbiet internazzjonali speċjalment tan-nazzjonal fejn hemm il-VAR, referee Malti ma jiġix ikkunsidrat biex jikkontrolla dik il-logħba. Din hija ta’ żvantaġġ għall-uffiċjali Maltin u l-moral fosthom huwa wieħed baxx minħabba l-fatt li għal referee Malti li jikkontrolla logħba tajba internazzjonali huwa ta’ unur fejn wieħed l-aktar jista’ jasal.
Wasal iż-zmien li anke Malta jkollna l-VAR?