Inawgurat monument f’ġieħ l-eks Prim Ministru Dom Mintoff
F’serata organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, f’Ġnien Dom Mintoff, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-sindku u l-kunsilliera inawguraw monument ġdid f’ġieħ l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.
Il-monument sar b’investiment ta’ €170,000, li minnhom 60%, ġew iffinanzjati mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema “Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali, Komunitajiet Isbaħ u Aktar b’Saħħithom.” Il-kumplament tal-finanzjament ġie investit mill-fondi tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-iskema huwa li tgħin b’mod finanzjarju lill-kunsilli lokali jwettqu proġetti diversi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ħaseb li monument f’ġieħ Dom Mintoff f’dan il-ġnien huwa denju għaliex jikkumplimenta t-tifkiriet storiċi attwali tal-madwar. Dan il-ġnien jinsab biswit it-Triq 28 ta’ April 1958 li tfakkar ġrajja meqjusa bħala l-bidu tat-triq li wasslet għall-kisba tal-ħelsien. Dan ukoll fl-isfond li fl-akwati ta’ dan il-ġnien wieħed isib binjiet ta’ housing soċjali u skejjel li nbnew fil-ħamsinijiet, fi żmien li l-Perit Mintoff kien Prim Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li r-responsabiltajiet tal-kunsilli lokali huma varji u ma jinkludux il-manutenzjoni u tindif tal-lokalità jew il-ġbir tal-iskart biss, iżda jinkludu elementi oħra bħall-edukazzjoni, l-istorja u l-kultura lokali fost l-oħrajn. Hija faħħret lill-kunsill lokali għall-inizjattiva u l-impenn favur dan il-proġett, għaliex permezz tiegħu dan il-monument ser jibqa’ jfakkar lir-residenti u kull min jżur dan il-ġnien fil-perseveranza ta’ missirijietna.
L-artist ta’ dan il-monument huwa l-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi. L-abbozz tiegħu ġie magħżul minn ġurija indipendenti, li wara kien approvat ukoll mill-Kunsill Lokali. L-għażla saret wara proċess rigoruż kif jippermettu r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku, imsejjaħ Kompetizzjoni ta’ Disinn.
Min-naħa tiegħu s-Sindku Dominic Grima irringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali għas-sostenn finanzjarju u tal-għajnuna fl-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti. Is-Sur Grima qal ukoll li fix-xhur li ġejjin il-Kunsill Lokali ser ikun qed jinawgura diversi proġetti oħra li jinkludu ġonna u servizzi ġodda għall-komunità.