Investiment ta’ aktar minn €24 miljun fl-iskejjel tal-Kumpless tar-Rabat u l-Iskola tan-Nadur f’Għawdex

 Investiment ta’ aktar minn €24 miljun fl-iskejjel tal-Kumpless tar-Rabat u l-Iskola tan-Nadur f’Għawdex
​Ix-xogħol fuq żewġ proġetti kbar fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex miexi ġmielu u meta jitlesta, kemm l-istudenti li jattendu fil-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, Għawdex, kif ukoll fl-Iskola Primarja tan-Nadur, se jkollhom ambjent edukattiv mill-aqwa. Dawn iż-żewġ proġetti flimkien qed isir investiment fihom ta’ €24.3 miljun.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru dawn il-proġetti u ngħataw informazzjoni dwar ix-xogħol li qiegħed isir.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Camilleri stqarr; “Ix-xogħol miexi ġmielu f’dawn iż-żewġ proġetti fil-gżira Għawdxija. Fl-iskola tan-Nadur irnexxielna nagħmlu proġett ta’ tisbiħ estensiv u disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa mingħajr ma ħriġna lit-tfal mill-iskola. Il-proġett tal-iskola tar-Rabat imbagħad huwa wieħed mit-tliet proġetti massiċċi li għaddejjin bħalissa f’din iż-żona – iċ-Ċentru Akwatiku  u Sportiv u l-Mużew t’Għawdex. Dan kollu bil-għan li noħolqu l-aqwa ambjent għat-tfal tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Grima qal; “Dawn iż-żewġ proġetti huma tnejn minn għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u permezz tagħhom qed ninvestu biex naraw li nagħtu ambjent edukattiv li jixraq kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi tagħna.”
Il-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li se tieħu post dik preżenti u li għandha madwar 160 sena, huwa proġett b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u jinvolvi wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.
Dan il-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, Għawdex huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tlesta aktar kmieni dan ix-xahar u bħalissa qed isir x-xogħol mekkaniku u installazzjonijiet elettriċi, inkluż l-installazzjoni ta’ diversi servizzi tal-elettriku, l-ilma, l-arja kundizzjonata, u servizzi tat-teknoloġija tal-informatika.
Dan il-kampus jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, Skola Primarja, Skola Medja, Senior School, kif ukoll is-Sixth Form u faċilitajiet sportivi ġodda.
Ix-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta’ arkeoloġisti tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għaliex fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi u biex ikunu preservati tajjeb inbena ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika fi ħdan il-binja tal-iskola.
Il-proġett tal-Iskola Primarja tan-Nadur jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti, b’investiment ta’ €6.3 miljun u għalih hemm fondi taħt il-Programmi NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.
Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstra-kurrikulari, fosthom dance studio, music room, literacy room, theatre studio, u klassijiet għall-arti. Se tkun indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex din tkun skont il-liġi u se jkunu introdotti diversi miżuri effiċjenti fl-enerġija.
Ix-xogħol ta’ tisbiħ f’din l-iskola qed isir f’żewġ fażijiet, bix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-ewwel fażi huma lesti u bħalissa qed isiru x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, u xogħol ieħor. Il-proġett se jkun lest għas-sena skolastika 2023-2024.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com