Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem waqt laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Magħquda ġewwa Ġinevra

 Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem waqt laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Magħquda ġewwa Ġinevra

F’Ġinevra, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg attendiet it-53 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) li jservi bħala l-aktar forum globali importanti fil-promozzjoni u protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem madwar id-dinja.

Waqt sessjoni ta’ djalogu, li fiha ġiet ittrattata t-tema tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, is-Segretarju Parlamentari tenniet l-impenn ta’ Malta li tiġġieled il-pjaga tal-vjolenza domestika u l-impatt li tħalli fuq il-ħajja tal-vittmi. Hija spjegat kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-Parlament Malti approva l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza Domestika. Din il-liġi l-ġdida se tkun qed tagħti għodda ġdida u tgħin persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika u tagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta’ vjolenza hekk kif se tagħti l-possibilità illi persuni li qegħdin f’relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-Victim Support Agency sabiex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/a tagħhom qatt instabu ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Waqt iż-żjara f’Ġinevra, is-Segretarju Parlamentari kellha diversi laqgħat bilaterali fosthom mal-Kummissarju Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonjiet Magħquda, Volker Türk u l-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Magħquda, Václav Bálek. Waqt il-laqgħat ġie rrimarkat kif id-drittijiet tal-bniedem jistabbilixxu l-istandards li permezz tagħhom irridu ngħixu fil-paċi u f’dinjità. Għaldaqstant, fl-okkażjoni li din is-sena ser jiġi mfakkar il-75 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, jeħtieġ li kull pajjiż jaħdem sabiex jippromwovi l-valuri tal-ugwaljanza, tar-rispett u tal-ġustizzja, li huma l-pedament ta’ demokrazija sħiħa u b’saħħitha.

Fil-marġini tal-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg iltaqgħet ukoll mar-Rappreżentanta Speċjali tal-Arġentina dwar l-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru, Alba Rueda, mar-Rappreżentanta  Speċjali tal-Istati Uniti dwar Persuni LGBTIQ, Jessica Stern kif ukoll mal-Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru, Victor Madrigal-Boloz. Matul dawn id-diskussjonijiet, is-Segretarju Parlamentari qasmet l-esperjenzi ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet ċivili u kif il-ħidma qed tissokta f’dan is-settur hekk kif pajjiżna ser jospita l-avveniment Europride f’Settembru li ġej. Hija spjegat kif il-Gvern Malti nieda t-tielet strateġija nazzjonali LGBTIQ+ li hi msejsa fuq 10 pilastri. L-istrateġija tinkludi miżuri sabiex issir ġlieda aktar effettiva kontra kliem ta’ mibegħda u t-tixrid ta’ misinformazzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com