Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana fil-Belt Victoria

 Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana fil-Belt Victoria

default

L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta li fiċ-ċentru tal-Belt Victoria jitwettaq proġett ta’ riġenerazzjoni urbana.

 

Fid-dawl tal-isfidi preżenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ spazji miftuħa, in-nuqqas ta’ spazji għall-parkeġġ, u l-konġestjoni tat-traffiku, l-Awtorità qed tipproponi viżjoni għar-riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa mifruxa fuq medda ta’ aktar minn 22,000 metru kwadru. Ċentrali għal din il-viżjoni hu l-fatt li ż-żona li llum hi okkupata minn parkeġġ tiġi trasformata fi spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jinħoloq ukoll parkeġġ taħt l-art li jkun jilqa’ fiħ madwar 800 vettura.

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li din il-proposta li qed tressaq l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex tibni fuq il-viżjoni tal-Gvern, dik li jiġġenera spazji miftuħa fiċ-ċentru tal-bliet u rħula tagħna. “Nilqa b’sodisfazzjon din l-inizjattiva li qed tieħu l-Awtorità. Dan hu l-ewwel pass sabiex jingħata bidu għal dan il-proġett ewlieni f’Għawdex li ser iġib kambjament drastiku fil-Belt Victoria,” qal il-Ministru għal Għawdex.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex Mario Borg qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni ser jistieden lil dawk kollha interessati biex jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex dan il-proġett jindirizza l-isfidi preżenti u dawk futuri. Hu enfasizza li l-viżjoni li qed tippreżenta l-Awtorità mhix waħda finali imma intiża biex tqajjem dibattitu u tqanqal l-interess mal-pubbliku inġenerali. Is-Sur Borg stieden lil kull min hu interessat biex jikkontribwixxi waqt dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fejn il-proposti u d-dokumenti neċessarji huma disponibbli għall-pubbliku minn fuq is-sit elettroniku tal-istess Awtorità: https://grda.mt/consultation/victoria-urban-upgrade/

 

Il-konsultazzjoni pubblika se tagħlaq fl-1 ta’ Settembru 2023.​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com