Is-sitwazzjoni tal-bulliżmu fuq l-internet, hija waħda allarmanti?

 Is-sitwazzjoni tal-bulliżmu fuq l-internet, hija waħda allarmanti?

Niftakar żmien meta l-unika mod li stajt tesprimi ruħek, issemma leħnek u saħansitra tirrabja kien billi tikteb ittra lill-editur biex tidher fuq il-gazzetta jew billi ċċempel fuq ir-radju.

Minħabba l-livelli ta’ edukazzjoni differenti, mhux kulħadd seta’, jew kellu aċċess jagħmel dan. Jista’ jkun ukoll li l-editur jiddeċiedi li ma jippubblikax l-ittra tiegħek jew inkella tar-radju, jaqta’ waqt li inti tkun għadek qed tibni l-argument.

Illum, il-midja soċjali tat leħen lil kulħadd. Faċilment, tista’ tidħol fuq Facebook u tikteb li trid mingħajr limitu. Minn banda, il-midja soċjali tat l-opportunità lil dawk li qabel kienu siekta. Mill-banda l-oħra, il-pjattaforma tagħti vuċi lil min ma jafx jikkontrolla s-sentimenti tiegħu u agħar minn hekk, uħud jagħmlu l-arja għax mhu jarahom ħadd, l-aktar jekk ikollhom xi profil falz.

Fl-opinjoni tagħna, din is-sitwazzjoni tal-bulliżmu fuq l-internet, hija waħda allarmanti. Ħafna huma dawk li l-kummenti fuq Facebook, iħallulhom effett kbir fuq il-burdata u saħansitra, fuq ħajjithom. Agħar minn hekk, hawn min kontinwament ikollu lil xi ħadd jaqbad miegħu u b’hekk, is-sitwazzjoni hija agħar. Din il-problema nsibuha f’kull età, u jekk nittamaw li adult ikollu sens biżżejjed biex ma jagħtix kas dan kollu, il-bulliżmu fuq it-tfal iħalli effett ikbar u b’hekk, wieħed għandu jixħet aktar dawl fuq din is-sitwazzjoni. Illum, dawk li jużaw il-midja soċjali ma jistħux u ma jaraw xejn ħażin li jinsulentaw jew jaqbdu ma’ nies li forsi mhux kapaċi jiddefendu ruħhom. Sfortunatament, saret normali li tikteb xi ħaġa u min ma jaqbilx joħroġ jattakka bi kliem iebes u anka theddid.

Ħafna drabi, persuni li forsi għandhom xi kundizzjoni, jispiċċaw attakkati u mwaqqa’ għaż-żufjett bla mistħija ta’ xejn. Fejn huma l-empatija u r-rispett? Possibbli li l-Maltin iħaddnu l-bulliżmu?

Aħna ma naħsbux li l-Maltin saru hekk, anzi nemmnu li l-maġġoranza tal-poplu, huma nies twajba. Madankollu, hawn xi wħud li għadhom ma ndunawx bis-saħħa li għandha l-midja soċjali. Jaf b’kumment inkunu tfajna persuna fi problema mentali u weġġajna s-sentimenti ta’ dak li jkun.

Qabel nikkummentaw u niktbu, tajjeb li wieħed jaħsibha darbtejn. Barra minn hekk, l-edukaturi tagħna għandhom jagħfsu aktar fuq dan is-suġġett. Is-soċjetà għandha bżonn tieħu azzjoni.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com