Aħna poplu indannat?
Li fis-sajf fuq il-midja soċjali naraw filmati miġbuda fit-toroq ta’ nies jitlewmu hija normali, is-sħana qisha titla’ għal rasi kulħadd, ħadd ma għandu paċenzja, ħadd ma jċedi kulħadd nervuż. Dan l-aħħar fuq Facebook qed naraw ħafna drabi l-frażi li aħna sirna poplu indannat u din is-sentenza ġagħlitni naħseb, għala għandna nkunu poplu indannat? Jien indannat?
Meta ħsibt sew kwazi kwazi anke jiena bdejt naqbel ma’ din l-affermazzjoni. Għaliex? Mela ejja nibdew. Tqum filgħodu għax-xogħol u ssib it-traffiku, biex issib lil ħadd iċedilek fit-triq irid ikun miraklu, jekk inti iċċedi lil xi ħadd malajr ta’ warajk tisimgħu ipaqpaq u forsi anke jibagħtek issaqqi l-ħass tal-Marsa.
Ma jimpurtax. Wasalt għax-xogħol, ippanċjajt tard għax eżatt qabel wasalt l-uffiċċju sibt lit-trakk li jiġibor l-iskart quddiemi u kelli nistenna. B’xi mod għaddejt u wasalt viċin l-uffiċċju, bdjt infittex parking, parking! Sibuli parking viċin filgħodu u nkun l-aktar persuna ferħana tad-dinja. Għamilt 10 minuti oħra ndur u sibt wieħed fil-kantuniera. Nipparkja jew le?
Dħalt l-uffiċċju u bdejna l-ħdima. Kellna bżonn nagħmlu transazzjoni permezz tal-bank però s-sistema mhux tħallina. Għandna bżonn inċemplu l-customer care tal-bank u hekk għamilna. Għaddew 20 minuta nistennew fuq il-linja b’diska tal-U2 għaddejja biex ma niddejqux nistennew, għall-inqas id-diska tgħallimtha bl-amment għax smajtha 10 darbiet sakemm qabduni. Ejja aqbduni! Hello Sir how can I help you qaluli, fuq in-naħa l-oħra. Għedtlu nista’ nitkellem ma’ xi ħadd bil-Malti? Okay sir but you need to wait. Għedtlu ma ġara xejn, għedtlu bil-problema u qalli, sorry sir imma trid tmur il-branch għax ma nistgħux naqduk bit-telefown jew inkella ibagħtulna imejl. Le l-branch ma mmur qatt, naħlef, wisq stennija barra fix-xemx, biex tinqeda mill-branch qisek se tagħmlilhom pjaċir, nibgħat imejl l-aħjar! Bgħatt imejl u rrispondewni wara 5 ijiem għal xi ħaġa li kelli bżonn nagħmel f’dak il-jum u biex tkompli żżid l-indannazzjoni fl-imejl qaluli hemm bzonn immur il-branch għax bl-imejl ma nistax ninqeda… kemm minna għaddew minn dawn l-esperjenzi, kemm minna jgħaddu kuljum minn dawn l-avventuri ta’ indannazzjoni? U mhux il-customer care tal-privat biss. Ġieli pprovajt tinqeda minn xi servizzi jew aġenzji oħra tal-Gvern? Fis-sajf insa, bdew in-nofsanhari , ikollok tistenna sir u fix-xitwa bis-suluzzu!
Imbagħad tmur id-dar, dik is-siegħa sabiħa fit-traffiku, tieħu xower jekk għandek ilma, kilt u wasalt biex tpoġġi rasek fuq l-imħadda, bl-air-condition jitfagħlek dik il-kesħa ħelwa. Ups, lanqas ilħaqt spiċċajt il-kelma, mar id-dawl…