Din il-ġimgħa jibdew it-taħriġ il-klabbs tas-Serie A
Din il-ġimgħa l-klabbs Taljani jibdew it-taħriġ tagħhom biex f’Awwissu jerġgħu jibdew il-kampjonat tas-Serie A.
Bħalissa l-għajnejn tad-dilettanti jkunu kollha fuq is-suq tat-trasferimenti fejn il-klabbs ikunu qed jittrasferixxu plejers biex jissaħħu u anke jagħmlu business tajjeb kif kien il-każ ta’ AC Milan fejn trasferew il-plejer internazzjonali Sandro Tonali lil Newcastle għal somma ta’ aktar minn 60 miljun ewro.
B’dawn il-finanzi AC Milan jistgħu jsaħħu t-tim tagħhom bl-akkwist ta’ diversi plejers fejn diġà akkwistaw mingħand Chelsea l-plejers Loftus Cheek u Pulisic.
Anke Inter kienu attivi fejn l-istilla Kroata Brozovic ġie mibjugħ fl-Arabja Sawdija u fis-sigħat li ġejjin mistennija jittrasferixxu lill-goalkeeper Onana lil Manchester United. Inter diġà akkwistaw lill-plejer Nazzjonali Taljan Frattesi u anke dak Nazzjonali Franċiż Thuram fost oħrajn.
Wieħed jistenna li anke l-klabbs l-oħra jkunu attivi f’dan is-suq ta’ trasferimenti fejn ħafna drabi trasferiment wieħed ikollu effett domino fuq trasferimenti oħra.